DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE
GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IT-TNEDIJA
TAD-DOKUMENT TAR-RIFORMA TAL-MEPA - BERĠA TA’
KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĦAMIS, 9 TA’
LULJU 2009
Jekk kien hemm wegħda elettorali li fuqha kien
hemm stennijja kbira din żgur kienet dwar
ir-riforma fil-MEPA. Matul l-aħħar kampanja
elettorali jiena kont wiegħedt li jekk ningħata
l-mandat ta’ Prim Ministru mill-poplu, jien kont
se nieħu taħt ir-responsabbiltà tiegħi l-MEPA
fejn kont beħsiebni nwettaq riforma sħiħa ta’
din l-entità. U llum qiegħed inpoġġi din
il-wegħda quddiemkom! Irrid nistqarr ukoll li
nħoss li din kienet waħda mill-aktar riformi
diffiċli li l-Gvern li jiena mmexxi ħadem
fuqhom. U għalhekk flejna bir-reqqa dak kollu
li dawk li kellhom xi interess f’din
l-organizzazzjoni kellhom biex kif jgħid
il-Malti, inqisu mitt darba imma naqtgħu darba.
Il-MEPA mhix organizzazzjoni żgħira jew waħda li
għandha xi forma ta’ xogħol ristrett. Il-MEPA
topera f’settur li jeffettwa lilna lkoll u
għalhekk kien importanti li nikkonsultaw kemm
jista’ jkun. Nifhem li kien hawn min kien xi
ftit diżappuntat li r-riforma damet ma’
tħabbret. Għalija l-iżjed ħaġa importanti
kienet li nisma’ lil kulħadd:
permezz ta’ laqgħat formali
mall-korpi kostitwiti;
permezz ta’ laqgħat
mal-impjegati tal-MEPA;
billi xtarrejna rapporti li
ntbagħtulna minn numru ta’ għaqdiet;
billi qrajna dak li kien qiegħed
jiġi stampat fil-ġurnali u x’kienu
s-suġġerimenti u lmenti tal-poplu in ġenerali.
Li nisma’ kien punt kruċjali biex nasal
bir-riforma li qiegħed nipproponi llum. Jiena
konvint li ħadd ma jista’ jgħid li ma
kkonsultajniex biżżejjed. Però biex nagħti
opportunità tal-aħħar lil min irid
jikkontribwixxi irrid inħabbar li ser
norganizzaw konferenza nazzjonali biex nisimgħu
r-reazzjonijiet għall-proposti tagħna. Sa kemm
issir din il-konferenza ser ikun hemm
l-opportunità biex jintlaqgħu suġġerimenti
bil-miktub.
Nifhem illi mill-Press Briefing li
għadkom kif ingħatajtu, issa qegħdin
f’pożizzjoni aħjar biex tifhmu r-riforma mil-lat
tekniku. Tajjeb li nagħti ftit kuntest għal dak
li ħejjejna. Ir-riforma hija msejsa fuq erba’
pilastri prinċipali:
·Konsistenza;
·Effiċjenza;
·Kontabbiltà;
·Infurzar.
Dawn il-pilastri ħarġu mill-isfidi li s-soċjetà,
fil-vesti kollha tagħha, poġġiet quddiemi. Huwa
għalhekk li nħoss li din ir-riforma hija
importanti għall-individwu u għall-pajjiż. Hija
importanti għall-individwu mhux biss għaliex
għandna settur ta’ kostruzzjoni attiv, mhux għax
ħafna nies iqisu l-proprjetà bħala l-akbar
investiment tagħhom, imma wkoll għaliex
l-iżvilupp jista’ jeffettwa liċ-ċittadin. U
fil-qalba ta’ din ir-riforma qegħdin inpoġġu sew
liċ-ċittadin li tixraqlu kull protezzjoni
tal-proprjetà u l-ambjent tiegħu, imma wkoll lil
dawk li joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni u li
għandhom flushom investiti f’dan is-settur.
Dawn ukoll jixraqilhom li jkunu jafu fejn u kif
jistgħu jkomplu joperaw f’dan is-settur.
Il-MEPA tiġi kkritikata fuq in-nuqqas ta’
konsistenza. Dan jiena nifhmu u rrid li nsibu
soluzzjoni biex kulħadd ikun jista’ jara b’mod
ċar kif ittieħdu d-deċiżjonijiet u jinqatgħu
dawk il-każi fejn policies jiġu applikati
b’modi differenti. Huwa dan li jnaqqas
il-fiduċja tan-nies fil-MEPA. Għaldaqstant,
mingħajr ma’ nidħol fid-dettalji tekniċi,
ħassejna l-importanza li:
·nassumu r-responsabbiltà
għall-politika dwar l-ambjent u l-ippjanar biex
nassiguraw li din il-politika titfassal wara li
nkunu smajna lil kulħadd u wara li nkunu
evalwajna l-proposti li joħorġu f’qafas ta’
żvilupp sostenibbli – jiġifieri li
l-evalwazzjoni ssir fuq bażi ekonomika, soċjali
u ambjentali;
·insaħħu l-involviment
tal-għaqdiet mhux governattivi u s-soċjetà
ċivili fuq il-bord tal-MEPA billi nappuntaw
wieħed mill-membri indipendenti minn fost dawn
l-għaqdiet;
·nirrikonoxxu aktar
l-importanza tal-wirt kulturali ta’ pajjiżna li
jekk jiġi mittiefes jintilef għal dejjem u
b’hekk inkomplu nsaħħu l-Bord tal-MEPA permezz
ta’ espert minn dan il-qasam;
·nassumu politika ta’
zero tolerance fuq żviluppi ODZ.
Irrid inkun ċar illi dan ma jfissirx li ma jsir
l-ebda żvilupp f’dawn iż-żoni imma li jkun
limitat għal dawk l-attivitajiet li m’humiex
kompatibbli mal-iżvilupp f’żoni urbani.
Għaldaqstant se nistudjaw l-applikazzjonijiet
ODZ ta’ dawn l-aħħar snin u d-deċiżjonijiet
li ttieħdu fuqhom biex nirrevedu l-politika
tal-MEPA fuq l-ODZ. Dawn il-proposti ser
jitressqu lill-Kumitat tal-Kamra dwar l-Ippjanar
għal diskussjoni wiesgħa, kif ukoll ser ikunu
suġġetti għal skrutinju u konsultazzjoni
pubblika;
Irrid nelabora ftit fuq dan
il-punt li tant huwa importanti għalija.
Il-preservazzjoni tal-ambjent naturali huwa
kruċjali għax inħoss li dan illum sar parti
mill-wirt naturali tagħna li rridu ngħożżu biex
mhux biss ingawduh aħna imma wkoll ngħadduh lil
ta’ warajna. Iżda jien ukoll konxju
tal-iżvilupp li qegħdin naraw illum u l-bżonn
ta’ art biex insostnu dawk l-industriji li jridu
jiġu hawn Malta jew dawk li jridu jespandu
l-operat tagħhom biex ikattru l-ġid tal-pajjiż.
Għaldaqstant l-importanza li
nieħdu deċiżjonijet mill-lenti ta’ żvilupp
sostenibbli. U l-applikazzjonijiet
għall-iżvilupp iridu jiġu mixtarra minn din
il-lenti. Filwaqt li lesti nikkunsidraw żvilupp
f’ODZ li mhux kompatibbli ma’ żvilupp
f’żoni urbani, per eżempju żvilupp agrikolu jew
industrijali, m’aħniex lesti li naċċettaw iżjed
żvilupp li faċilment seta’ sar f’żoni urbani.
Matul dawn l-aħħar snin rajna li l-limiti fuq
iż-żoni ta’ żvilupp wasslu għal żvilupp ta’
natura ta’ redevelopment f’żoni urbani.
Konxji wkoll li hawn numru ta’ vacant
dwellings. Dan jagħmlilna kuraġġ biex
inżommu iebes dwar żvilupp li jkun permess
f’żoni ODZ li seta’ allura ġie akkomodat
f’żoni urbani.
·Ser inwaqqfu 2 DCCsfull-time biex dawn ikunu esklussivament
iffukati fuq it-teħid ta’ deċiżjonijet dwar
applikazzjonijiet ta’ żvilupp. Iċ-Chairperson
ta’ kull DCC ser ikun Deputat
Chairperson fuq il-Bord tal-MEPA biex ikun
hemm aktar konsistenza bejn dawn iż-żewġ
livelli. Dan se joffri l-opportunità li
l-partijiet interessati kollha jkunu jistgħu
jagħmlu s-sottomissjoni tagħhom quddiem dawn
l-istess DCCs;
·Il-Bord tal-Appell ukoll
ser jiġi mwaqqaf fuq bażi full-time u
kostitwit b’mod li jirrifletti l-kompożizzjoni
tad-DCCs biex dan jeżamina l-appell minn
lat tekniku.
It-tieni pilastru li fuqha hija msejsa din
ir-riforma hija l-effiċjenza. Nifhmu illi
l-klijenti tal-MEPA iridu jkunu jafu it-terminu
ta’ żmien li jridu jistennew biex ikollhom
deċiżjoni. Bla dubju ta’ xejn l-ikbar bidla li
qegħdin nipproponu hija t-tneħħija ta’ dak li
jgħidulu chess clock timing. Dan
jiġifieri illi dak li qiegħed jiġri bħalissa,
fejn iż-żmien stipulat bil-liġi jitwaqqaf meta
l-awtorità ssaqsi għal aktar informazzjoni minn
għand l-applikant. Irridu naslu għal sistema li
meta tiġi validata applikazzjoni, kulħadd ikun
jaf meta ser tittieħed id-deċiżjoni.
Għaldaqstant, biex ngħinu lill-applikant ifassal
applikazzjoni li tkun konformi mal-policies
il-MEPA ser toffri proċess volontarju ta’
initial screening biex jiġu identifikati
anomaliji li jekk jittranġaw jistgħu jħaffu
l-proċess ta’ deċiżjoni. Dan l-iscreening
ser ikun dokumentat u jitla’ mad-DPAR
quddiem id-DCCs biex dawn ikunu jafu
l-proċess kollu li jkun sar.
Biex insaħħu dan it-tibdil kruċjali hemm numru
ta’ miżuri oħra fosthom:
·Jitneħħa l-proċess ta’
Reconsideration;
·Tingħata possibbiltà li
f’dawk il-każi li l-iżvilupp imur kontra l-policies
b’mod ċar jitfassal DPAR Sommarju li
jipproponi lid-DCC li l-iżvilupp jiġi
rifjutat;
·Il-tletin ġurnata li
jingħataw lill-istakeholders biex
jikkummentaw fuq l-applikazzjonijiet jiġi
nfurzat bi sħiħ. Ma jistgħax ikun li ċertu
dewmien jirriżulta minn dewmien minn xi
entitajiet biex jirrispondu.
Tibdila importanti oħra hija l-eliminazzjoni ta’
permessi Outline. Ma jagħmilx sens li
jingħata ‘permess’ fuq xi ħaġa li m’hix
approvata fit-totalità tagħha u li tista’ tkun
suġġetta għal tibdil. Madanakollu nifhmu li
żviluppatur ikun jixtieq li jkollu idea ta’ kif
jista’ jiżviluppa l-art tiegħu. Konxji minn dan
ser indaħħlu l-kunċett ta’ Environment and
Planning Brief li jista’ jintalab minn
żviluppatur lill-MEPA fejn jiġu stabbiliti
l-parametri u studji prinċipali li dak
l-iżvilupp irid iħares. Kif qegħdin taraw,
qegħdin indaħħlu l-kriterji ambjentali fil-bidu
nett tal-proċess, sinjal ieħor tas-sensittività
u l-impenn tagħna lejn il-ħarsien tal-ambjent.
Marbut ukoll mal-ambjent qegħdin nipproponu
tisħiħ fil-proċess tal-EIA. B’dispjaċir
ninnota li l-fiduċja f’dan il-proċess, li huwa
wieħed intiż biex iħares l-ambjent ta’ madwarna,
huwa baxx. Li ser nagħmlu huwa li nassiguraw li
l-liġi dwar l-EIAs ikun fiha t-Terms
of Reference li titlob id-Direttiva tal-UE.
Dan biex ħadd ma jgħid li jingħataw Two Rs
differenti għall-proġetti varji. Però nifhmu li
ċerta żviluppi jista’ jkollhom bżonn ta’ studji
speċjalizzati minħabba fatturi ambjentali ta’
sensittività maġġuri. Għaldaqstant, il-fażi ta’
Scoping, li huwa teknikament pass ta’
good practice, fejn jiġu evalwati l-istudji
li l-aħjar isiru għal dak l-iżvilupp, ser jiġi
msaħħaħ billi l-MEPA ser toffri ruħha biex tgħin
lil dawk l-iżviluppaturi li jixtiequ jinvolvu
l-Awtorità f’dan l-istadju bikri. Dan biex
mill-ewwel l-applikant ikun jaf l-istudji kollha
li hemm bżonn u ma jkunx hemm dewmien fl-analiżi
tiegħu meta dan jiġi komplut. Ser indaħħlu
obbligu ta’ monitoraġġ tal-parametri li fl-EIA
jiġu identifikati. Dan għal żewġ għanijiet:
·Biex nagħtu sodisfazzjon
lis-soċjetà; u
·Biex nirresponsabbilizzaw
lill-konsulenti fix-xogħol li jagħmlu.
Dan il-proċess ser ikun allaċċjat
mar-reġistrazzjoni tal-konsulenti tal-EIAs
u t-tiġdid tar-reġistrazzjoni tagħhom.
Fl-aħħar nett irrid ngħid ukoll li din
ir-riforma se tara downsizing
tar-responsabbiltajiet tal-MEPA biex din tkun
tista’ tiffoka aħjar fuq iż-żewġ oqsma
prinċipali tal-ambjent u l-ippjanar.
Ir-responsabbiltajiet li ser jitneħħew mill-MEPA
huma dawn:
·L-ippjanar relatat
mat-trasport li ser jgħaddi għand l-awtorità
dwar it-trasport;
·Ir-riżorsi minerali li
sejrin jgħaddu għand l-MRA;
·It-tibdil fil-klima li
ser jgħaddi għand l-MRRA;
·L-infurzar tal-immaniġjar
tas-siti ta’ kostruzzjoni li ser jgħaddu fi ħdan
l-MRRA;
·Ir-regolamenti tal-littering
li ser jiġu delegati lill-Kunsilli Lokali.
L-aktar riforma li tispikka għalija fil-pilastru
tal-kontabbiltà hija dik fejn minn flok
l-Awditur li hemm fil-MEPA nwaqqfu Planning
Ombudsman fl-uffiċċju tal-Ombudsman
stess biex nagħtu l-ogħla livell ta’
indipendenza u skrutinju lil din
l-istituzzjoni. Biex insaħħu l-istrutturi
interni fil-MEPA ser inwaqqfu funzjoni ta’
Internal Audit li tirrapporta direttament
lill-Bord. Din il-funzjoni trid tħares
l-interessi tal-klijenti kollha tal-MEPA u
lill-istakeholders tas-soċjetà tagħna
biex tassigura li d-drittijiet tagħhom qegħdin
jiġu rispettati u biex l-operat tal-MEPA jkun
tassew effiċjenti, konsistenti u li kulħadd ikun
kontabbli.
Irridu nipproteġu lis-sidien tal-art minn
żvilupp irresponsabbli minn parti terzi.
Għaldaqstant il-formola tal-applikazzjoni ser
tiġi emendata biex ikun hemm dikjarazzjoni
tal-applikant li s-sid tah il-kunsens tiegħu
għal dak l-iżvilupp. Madanakollu ma rridux
noħonqu jew nipperikolaw ċerta tipi ta’
applikazzjoni u allura dan il-provvediment ser
ikun sospiż f’każ ta’ strutturi perikolużi jew
għal proġetti nazzjonali. Irridu wkoll nagħtu
aċċess lil kulħadd biex ikun jaf il-kontenut ta’
applikazzjoni u għalhekk ser nintroduċu
dikjarazzjoni fejn l-applikant jawtorizza
s-sospensjoni tal-provvedimenti tal-Att dwar
il-protezzjoni tad-data.
Inħossu d-dover u r-responsabbiltà li nipproteġu
lil dawk li joqgħodu fil-qrib ta’ żvilupp
propost u għalhekk ser nobbligaw lill-applikant
biex jibgħat avviż permezz ta’ ittra rreġistrata
bl-informazzjoni dwar l-iżvilupp lir-residenti
tal-viċinanzi. B’hekk nassiguraw li verament
kulħadd ikun infurmat. Ser ukoll nitfgħu
r-responsabbiltà għat-twaħħil u l-manutenzjoni
tas-site notice fuq l-applikant biex ma
jkunx hemm skużi li din tneħħiet b’xi att ta’
vandaliżmu.
Nasal għall-aħħar pilastru – dak dwar
l-infurzar. Nemmen li hemm bżonn li nsaħħu dak
li wettaqna sa issa. Hemm bżonn li kulħadd
jifhem li ma jistgħax jabbuża mis-sistema.
Irridu niffukaw b’aktar qawwa fuq l-infurzar
tal-permessi kif approvati kif ukoll dwar
permessi ta’ natura ambjentali. Għaldaqstant
inħossu li jkun ġustifikat li nwaqqfu Direttorat
għall-Infurzar biex dan ikollu aktar qawwa biex
jopera u jagħmel id-differenza. Irridu li dan
id-direttorat jisma’ l-ilmenti tan-nies u
jinvestigahom. Irridu lil dan id-Direttorat
jibni relazzjonijiet mal-Kunsilli Lokali biex
dawn ikunu l-għajnejn u l-vuċi taċ-ċittadin li
jqarribhom aktar lejn il-MEPA.
Naħseb illi din ir-riforma hija waħda mill-aktar
riformi importanti tal-pajjiż. Riforma li
teffettwa ħafna nies fuq livell ekonomiku,
soċjali u ambjentali. Irridu nassiguraw li
l-MEPA tkun aktar sensittiva lejn dawk l-atturi
kollha li huma nvoluti fl-oqsma tal-ambjent u
l-ippjanar. Irridu li kull impjegat jagħraf li
għandu jew għandha dover lejn is-soċjetà għax
fl-aħħar mill-aħħar qiegħda titħallas
mill-istess soċjetà. Inħoss li għaldaqstant
ikun importanti li minn issa stess infassal miri
li nistenna li l-MEPA tilħaq biex tassew nuru
d-differenza li qiegħda tagħmel din ir-riforma.
Dawn huma:
1.Li almenu 70% tal-applikazzjonijiet
kollha jiġu pproċessati fi żmien kif stipulat
mill-liġi, jiġifieri ta’ 12 jew 26 ġimgħa
konsekuttivi;
2.Li 90% tal-caseload eżistenti tiġi
eliminata sa tmiem is-sena 2012;
3.Li 90% tal-Appelli kollha pendenti
jinqatgħu sa tmiem is-sena 2012.
Dawn il-miri ser jintrabtu mall-performance
bonus tal-impjegati.
Il-pass li jmiss. Illum stess qiegħed inħabbar
li l-egħluq ta’ dan il-proċess ser isir wara
Konferenza Nazzjonali li ser tissejjaħ biex
jinstemgħu proposti oħra li jista’ jkun hemm.
Sa kemm titlaqqa’ din il-Konferenza Nazzjonali,
kulħadd huwa mistieden li jibgħat
is-suġġerimenti tiegħu lill-Uffiċċju tiegħi.
Kif għamilna matul dawn l-aħħar erbatax-il
xahar, aħna ser nistudjawhom u jekk insibuhom li
jagħmlu sens, m’għandna l-ebda problema li
ninkluduhom. Però, wara l-Konferenza Nazzjonali
jinżel is-siparju fuq il-konsultazzjoni u jitla’
dak tal-implimentazzjoni.
Il-fażi ta’ implimentazzjoni trid tibda
immedjatament jekk irridu li din ir-riforma
tirnexxi. Is-suċċess ta’ din ir-riforma ma
tiddependix biss fuq dan id-dokument. Huma
l-atturi kollha nvoluti fil-proċessi relatati
mal-ambjent u l-ippjanar li jridu jagħmlu din
ir-riforma suċċess. Għalhekk nappella:
–lill-impjegati kollha
tal-MEPA biex iħaddnu din ir-riforma. Dawn huma
l-aktar ħolqa importanti għas-suċċess ta’ dan
il-proġett. Iridu jifhmu li filwaqt li huma
professjonisti għandhom id-dmir li jiddjalogaw
mall-klijenti kollha għax wara kollox huma
l-wiċċ tal-MEPA;
–lill-applikanti, biex
jużaw l-opportunitajiet li qegħdin nagħtu biex
l-applikazzjonijiet ikunu kemm jista’ jkun skond
il-policy mas-sottomissjoni;
–lill-dawk li jkollhom xi
oġġezzjoni, biex jagħmlu dan bl-aktar mod ċivili
u oġġettiv;
–lill-NGOs u
stakeholders interessati, biex tkomplu
tgħinuna bis-suġġerimenti tagħkom;
–lill-dawk li jingħataw xi
permess, biex jintrabtu mall-provvedimenti
tiegħu biex innaqqsu l-bżonn ta’ infurzar;
–lill-Periti, biex ikunu
leali lejn il-klijenti, jirrispettaw
lill-uffiċjali tal-MEPA u biex huma wkoll jużaw
l-opportunitajiet li qiegħda tagħtihom din
ir-riforma.
Irridu nkunu poplu wieħed f’din ir-riforma u
għalhekk użajna l-frażi “Fl-interess tiegħek,
fl-interess nazzjonali”. Dan għax nemmnu li
mingħajr is-suġġerimenti tagħkom ma kienx
ikollna dak li għandna llum u mingħajr l-appoġġ
tal-poplu kollu ma nistgħux naslu biex inwettqu
din ir-riforma.