Diskors tal-Onor Lawrence Gonzi, Prim Ministru,
waqt it-tnedija taz-zewg volumi “Dictionary
of Maltese Biographies” ta’ Michael J
Schiavone – Berga ta’ Kastilja – il-Hamis, 2 ta’
Lulju 2009
Iż-żewġ volumi “Dictionary
of Maltese Biographies” li qed jiġu mnedija
llum jiftħulna tieqa beraħ fuq il-ġens Malti,
l-identità tagħna u n-nazzjon Malti.
Nazzjon hu magħmul qabelxejn
min-nies li jagħtuh forma ħajja bħala post
abitat, post mimli bin-nies li huma r-ruħ tiegħu
u li lkoll flimkien ħadmu biex sawru identità
komuni. Identità li tista’ tkun ukoll identità
kumplessa, imħallta, li fiha diversi aspetti
varji. Nazzjon jinbena bil-mod il-mod, u sikwit
bi tbatija, bil-kuntrasti, bil-kontribut
konsistenti tan-nies tiegħu kollha. Ikoll
flimkien huma jħalltu f’ħaġa waħda l-ħiliet u
l-aspirazzjonijiet kollha, u jaslu bil-mod
il-mod imma b’determinazzjoni biex maż-żmien
jipproduċu ambjent li ma hu xejn differenti minn
familja. Hi familja kbira, estiża, magħmula
minn ġenerazzjonijiet varji li lkoll, waħda
ħdejn l-oħra, isawru n-nazzjonalità fl-istadji
tagħha matul l-istorja. Tradizzjoni reliġjuża,
lingwa nazzjonali, wirt ambjentali, arkitettura,
sistema ekonomika u soċjali, produttività u tant
oħrajn. Dawn huma lkoll partijiet ta’ organiżmu
wieħed, li jissejjaħ nazzjon.
Dan kollu jgħodd għal kull nazzjon, għaliex
il-kunċett ta’ nazzjon baqa’ sa żmienna ma
varjax ħafna minn kif ilu li ġie definit
mill-ħassieba bħala proġett li jista’ jeżisti, u
mill-politiċi bħala dritt li fil-fatt imbagħad
għandu jeżisti. Fil-qofol ta’ kollox hemm dejjem
l-idea ta’ poplu li għandu wirt kulturali li
jagħtih koerenza, identità, karattru, kburija
xierqa u doveruża bih innifsu, u fuq kollox li
għandu ħila li jħares lura għaliex jaf minn fejn
telaq, u anki jħares ‘il quddiem għaliex jaf
fejn sejjer.
Dan ifisser li nazzjon jaf fejn jinsab, fejn hu
issa u hawn. Dan l-għarfien jiksbu billi ma
jitlifx il-perspettiva tal-istorja daqskemm
tal-kontemporanjetà.
Il-futur jinsab fuq l-għatba ta’ dawn it-tnejn.
Meta niġbru l-elementi tal-wirt kulturali kollu
tal-pajjiż, ikollna sewwa sew l-aqwa u l-isbaħ
definizzjoni li jista’ jkollna. Identità
nazzjonali tfisser nies matul ġenerazzjonijiet
differenti, imlaqqgħin flimkien fil-pjazza
tal-kunsens, fejn jagħrfu lil xulxin bħala aħwa
u sħab, immexxijin mir-rieda tajba, mill-għaqal
u mill-għan li jaslu għall-kisbiet tagħhom.
Malta kellha x-xorti li l-elementi essenzjali
tal-identità tagħha wassluha biex ma tinħallx
fix-xejn u tasal sal-ogħla rikonoxximenti
fid-dinja, inkluża fi żmienna s-sħubija
fl-Unjoni Ewropea. L-identità nazzjonali tagħna
ġiet ippremjata anki mid-dinja.
Illum qegħdin niċċelebraw il-ħiliet u l-kisbiet
reali ta’ ommijietna u ta’ missirijietna, u
tagħna l-kontemporanji, ta’ kull età u ħila.
Qegħdin nagħrfu l-isem u l-kunjom u l-kontribut
ta’ tant u tant Maltin li matul is-sekli ħallew
jew qegħdin iħallu llum is-sehem siewi tagħhom
fil-kostruzzjoni fiżika u morali mingħajr
waqfien ta’ pajjiżna. Id-dar editriċi
“Pubblikazzjonijiet Indipendenza” issa ilha snin
sħaħ tkabbar il-librerija Maltija b’firxa
wiesgħa ħafna ta’ pubblikazzjonijiet ta’ natura
diversa. Tatna kotba li jidħlu f’ħafna
kategoriji tal-għerf. Tatna xogħlijiet li taw
sehem kbir fil-proċess li ninsabu fih u li hu
politika ewlenija tagħna fi żmienna: li nagħrfu
aħjar lilna nfusna, lil ommijietna u lil
missirijietna, lill-wirt li ħallewna bħala
dokument tagħhom u li aħna għandna l-jedd li
ngawduh illum daqskemm għandna d-dmir kbir li
nħarsuh b’kull mod biex jgħaddi bla mittiefes
lil uliedna u lil ulied uliedna. Malta hi
tagħhom ukoll bi dritt, u hi biss mislufa lilna
għal ftit żmien. Hi ta’ kulħadd, jiġifieri hi
tal-ġenerazzjonijiet kollha.
Din hi qabelxejn il-vokazzjoni ta’ dawn iż-żewġ
volumi kbar li qiegħed jagħtina Michael
Schiavone, “Dictionary of Maltese
Biographies”, xogħol tassew voluminuż u
mimli dettalji ta’ kull tip dwar il-ħidma siewja
f’kull qasam tal-ħajja ta’ tant u tant nisa u
rġiel Maltin ta’ kull żmien.
“Dictionary of Maltese
Biographies”
jikkonferma kemm il-Maltin kienu u huma bennejja
għaqlin ta’ pajjiżna. Ilkoll flimkien taw
il-kontribut tagħhom biex minn pajjiż ċkejken
ħolqu nazzjon ta’ kultura kbira, impressjonanti,
mifruxa fuq mill-inqas sebat elef sena, preżenti
f’kull qasam tal-ħajja, b’lingwa nazzjonali,
b’ħajja tipika fl-oqsma kollha.
L-identità Maltija, li l-Gvern Malti tħabat
f’leġislaturi differenti li jħares u jgħinha
tikber u tissaħħaħ, hi l-aqwa kredenzjali li
Malta kellha biex waslet għas-sovranità politika
tagħha fis-snin sittin, u biex ħames snin ilu
ħadet imbagħad bil-jedd kollu l-post xieraq
tagħha fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Din id-deċiżjoni politika, aktar milli fil-każ
ta’ pajjiżi wisq akbar, kellha wkoll bażi
kulturali, u mhux biss ekonomika. Kienet ukoll
kwistjoni akbar mill-ekonomija u l-aspetti
purament politiċi. Kienet ukoll kwistjoni
tad-dritt ta’ pajjiż li għandu tant kultura
antika mill-aqwa, li tlaqqa’ fi ħdanha lill-aqwa
patrimonji tal-Mediterran u anki lil oħrajn mhux
Mediterranji. Hu l-każ ta’ pajjiż li minnu
nnifsu għandu l-kwalifika biex jitqies bħala
nazzjon u għalhekk ukoll bħala stat li postu
naturali huwa fost l-imseħbin fl-Unjoni
Ewropea. Wassalna anki lil-lingwa nazzjonali
tagħna biex tkun waħda mil-lingwi nazzjonali ta’
kontinent sħiħ. Aħna kburin li għamilna tant
biex din l-art ħelwa tkun stmata.
L-identità nazzjonali tidher li tinfirex
fl-oqsma kollha tal-ħajja, mhux biss għaliex din
hi ħaġa naturali tal-bniedem hu fejn hu, imma
wkoll għaliex il-Maltin kienu u għadhom nies ta’
intrapriża, nies li jidħlu għall-isfidi f’kull
proġett ta’ ġid u saħħa li jista’ jagħmel lil
Malta aħjar. Għandna f’idejna kompendju vast ta’
Maltin li taw is-sehem tagħhom biex lil Malta
stajna minn żmien ilu u fi żmienna nsejħulha
pajjiż ċivili, emanċipat, denn li jkun parti
mill-familja tal-ġnus u fil-familja tal-Unjoni
Ewropea.
Dan ix-xogħol juri għal darba oħra kemm
iċ-ċiviltà Maltija hi ugwalment antika u
attwali. Hi mnissla mill-qedem daqskemm hi ħajja
u vivaċi fi żmienna. F’idejna għandna dokument
ta’ xi ħaġa meraviljuża f’Malta: dokument ta’
kemm il-kultura hi apprezzata ħafna mill-Maltin,
kif juri l-programm kulturali ffullat, tassew
iffullat, ta’ pajjiżna fi żmienna, f’kull
staġun, f’kull ġurnata tal-ġimgħa, f’livell kemm
nazzjonali u kemm lokali. Hi ħaġa tassew
impressjonanti kemm Malta hi involuta
f’attivitajiet li juru l-grad għoli u intens
tal-impenn kulturali tagħha fl-oqsma kollha
tal-kultura.
Dan id-dizzjunarju jagħti wkoll xhieda tal-fatt
li Malta, pajjiż ta’ ċiviltà kbira, hi wkoll
Malta li għandha tradizzjoni demokratika twila
ġmielha. Hi tradizzjoni magħmula mhux biss minn
kisbiet reali, formali, li ħadu ż-żmien biex
ġew, imma wkoll minn fehmiet, minn orjentamenti
tal-ħsieb li huma diġà demokratiċi ħafna qabel
ma setgħet isseħħ id-demokrazija bħala sistema
vera u proprja.
Dan hu xogħol li wieħed iqallbu biex jiskopri
s-sorpriżi sbieħ kollha li toffri l-kultura
Maltija, kultura għanja li hi mikrokożmu ta’
storja ta’ reġjun sħiħ, u anki ta’ kontinent
sħiħ. Din il-konċentrazzjoni hi rari, jekk mhux
eċċezzjonali, meta wieħed iqis id-daqs
tat-territorju. Hi sewwasew din li tirrendi lil
dan id-dizzjunarju tassew interessanti, mimli
avventuri ta’ għarfien għal kull min se
jikkonsultah mhux biss biex jagħraf aħjar lil
art twelidna fis-setturi tagħha kollha, imma
wkoll biex ikompli jifraħ li pajjiżna huwa
pajjiż li rnexxa għaliex hu pajjiż li ilu sekli
jfittex li jemanċipa ruħu, li jilħaq livelli
dejjem ogħla ta’ ċiviltà, rispett u finezza.
Dan ix-xogħol jirrappreżenta l-istorja tal-ħsieb
Malti, tar-riżultati diversi li ħarġu minn dan
il-ħsieb, u tal-isforzi kontinwi li saru
fil-livelli kollha biex Malta saret dak li hi
llum: mużew impressjonanti ta’ storja, pajjiż li
jistħoqq l-attenzjoni ta’ kulħadd minħabba
l-ġmiel naturali u r-raffinatezza arkitettonika,
u l-esperjenza intellettwali f’kull qasam. Fejn
il-Malti kellu l-opportunità li jagħti prova
tal-ħila tiegħu tal-moħħ u tal-id.
Illum imiss lilna li nimpenjaw ruħna iżjed biex
insaħħu l-identità ta’ pajjiżna, inħarsuha u
anki nagħtu prova li hi ħajja. Hi trid tkun
il-kawża ewlenija tal-fiduċja ta’ wliedna u
wlied uliedna fihom infusna. L-identità hi
kwistjoni ta’ fiduċja personali u kollettiva.
Irridu nsaħħu l-identità Maltija anki biex
uliedna ma jkunux inqas minn ħaddieħor, biex ma
jħossuhomx nieqsa mill-għeruq meta kulħadd hu
kburi bl-għeruq tiegħu. Irridu niggarantixxu
anki dan l-appoġġ mentali u komportamentali lil
uliedna.
Nifraħ minn qalbi lil Michael Schiavone għal din
l-opra tassew sabiħa, utli u mimlija
informazzjoni, li tana biex ikompli jkabbar
il-fiduċja ta’ Malta fiha nnifisha, fl-identità
sabiħa tagħha, fil-kultura antika u moderna
tagħha, f’dak kollu li lil art twelidna
jagħmilha dak li hi.
Jiena ċert li dan ix-xogħol se jkun ktieb ta’
riferiment kull fejn hemm il-Maltin, u kull fejn
il-Maltin jixtiequ jkunu jafu aħjar min kienu u
min huma.