DISKORS
TAL-GĦELUQ MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM
MINISTRU FL-OKKAŻJONI
TAĊ-ĊERIMONJA TAL-ĦATRA TAL-KUNSILLIERA LOKALI
ELETTI FIS-6 TA’ ĠUNJU, FIS-SALA
TAL-AMBAXXATURI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT
VALLETTA – IT-TLIETA, 30 TA’ ĠUNJU 2009
Segretarji Parlamentari,
Għeżież Kunsilliera Eletti,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Huwa
ta’ unur għalija li nilqagħkom ġewwa l-Uffiċċju
tiegħi fil-Berġa ta’ Kastilja għal din
iċ-ċerimonja importanti.
Nifraħ lilkom il-Kunsilliera li ġejtu eletti
fl-elezzjonijiet aktar kmieni dan ix-xahar.
Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex
insellem u nirringrazzja l-mistednin tagħkom
hawn preżenti u lill-qraba tagħkom kollha
għas-sostenn li tawkom tul il-ġranet u l-ġimgħat
ta’ qabel l-elezzjoni u li se jkomplu jagħtukom
tul il-ħidma tagħkom fl-erba’ snin li ġejjin.
Il-ħajja politika u ċivika ma titlobx biss
l-impenn ta’ min ikun qiegħed jagħti l-kontribut
tiegħu jew tagħha, imma anki tal-familja li
sservi ta’ spalla f’dak kollu li intom bħala
kunsilliera, se tkunu qed tagħmlu.
Bħalkom kien hemm ukoll nies oħra li xtaqu jkunu
ta’ servizz. Nirringrazzja wkoll lil dawk
il-kandidati li kkontestaw imma ma ġewx eletti.
Nixtieq nirringrazzjahom talli offrew ruħhom
biex ikunu ta’ servizz għal pajjiż u għal
lokalitajiet rispettivi. Kull kandidat, wera
sens ta’ impenn soċjali qawwi u għalhekk
nappella lilkom Kunsilliera eletti biex ma
titilfux din ir-riżorsa billi b’mod jew ieħor
tinvolvuhom fil-ħidma tagħkom tul is-snin li
ġejjin. Il-ħeġġa u l-kontribut li riedu joffru
dawn l-individwi għandha tiġi rikonoxxuta minkom
billi tagħtuhom spazju biex jagħtu sehemhom
fil-ħidma tal-Kunsill, u fuq kollox għal ġid
tar-residenti.
Ma
nistax ma nirringrazzjax b’mod speċjali, lil
dawk il-Kunilliera li servew fil-Kunsilli
preċedenti iżda issa mhux ser jiffurmaw parti
mill-Kunsilli l-ġodda. Bħala Prim Ministru
nirringrazzjahom mill-qalb tax-xogħol u l-impenn
kollu tagħhom.
Illum qegħdin hawn għaliex il-poplu pparteċipa
fi proċess demokratiku bil-vot tiegħu.
L-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali wrew
il-fiduċja li r-residenti għandhom fil-Kunsilli
u f’dak li jistgħu jagħmlu u għalhekk
ipparteċipaw fl-għażliet li għandna llum.
Iċ-ċerimonja ta’ llum għandha sinifikat speċjali
hekk kif qiegħda ssir f’mument tant importanti
fejn il-Parlament qed jiddiskuti it-tiġdid li
hemm bżonn isir għall-Kunsilli Lokali.
Il-Gvern, fl-aħħar elezzjoni ġenerali, ingħata
mandat mill-poplu biex jagħmel proċess ta’
konsultazzjoni u jaġġorna l-Kunsilli Lokali biex
dawn jagħtu l-aqwa servizz lir-residenti.
Smajna mat-8,000 suġġeriment mill-kunsilliera,
mit-tfal, mis-sidien tal-ħwienet, mill-anzjani,
mill-għaqdiet volontarji u mir-residenti.
Smajna, iddiskutejna, ikkonsultajna u issa rridu
ngħaddu għall-azzjoni.
It-tiġdid tal-Kunsilli Lokali kien wieħed
mill-20 proċess ta’ konsultazzjoni li wettaq
il-Gvern fl-ewwel sena ta’ din il-leġislatura.
Ridna nassiguraw li t-tiġdid ikun jirrifletti
l-pedamenti u s-suċċessi tal-passat,
il-bżonnijiet tal-preżent kif ukoll l-isfidi
tal-futur. Tiġdid li fuq kollox ipoġġi
r-residenti fiċ-ċentru tas-sistema tal-gvernar
lokali.
Dan
it-tiġdid huwa mibni fuq l-impenn tagħna lkoll
li qegħdin fil-politika – kemm nazzjonali kif
ukoll lokali, l-impenn tagħna mibni fuq spirtu
ta’ servizz għall-komunità li fiha aħna ngħixu.
Dan is-sodisfazzjon jidher l-aktar meta naraw li
bil-ħidma tagħna nkunu qegħdin intejbu l-ambjent
fiżiku, kulturali, soċjali u edukattiv ta’
madwarna li jkollu l-effett li jtejjeb
il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Biex
dan jista’ jseħħ nemmen li l–ħidma tal-Kunsilli
Lokali għandha tkun mibnija fuq erba’ pilastri
ewlenin. Biss, qabel xejn, b’impenn lejn din
il-ħidma kollha favur il-Kunsilli Lokali u
r-residenti taghhom, il-Gvern iddeċieda li jżid
il-baġit tal-Kunsilli Lokali. Parti sostanzjali
qed tmur f’allokazzjoni diretta u parti oħra
mill-fondi qed jitqassmu permezz ta’ skemi
diversi li ġew imħabbra, u oħrajn li ser jiġu
mħabbra mill-Gvern. Din turi bil-fatti l-impenn
tal-Gvern li jien immexxi favur il-politika
lokali.
Il-ħidma tal-Kunsill Lokali għandha tkun
imfassla fuq viżjoni, strateġija ċara u ippjanar
bil-għaqal. Irridu li l-Kunsilli Lokali jkunu
sħab mal-Gvern Ċentrali. Il-Kunsilli huma parti
integrali fil-pjan olistiku tal-Gvern fejn mhux
biss joffru servizz imma jimplimentaw
il-politika nazzjonali mfassla skont
iċ-ċirkustanzi tal-lokal. U kien ghalhekk li
ġie deċiż li nżidu t-terminu għall-erba’ snin
għaliex rajna li dan il-perijodu joffri iktar
faċilità lilkom il-Kunsilliera sabiex tippjanaw
aħjar u iktar fit-tul.
Irridu li naraw aktar titjib ambjentali
fil-lokalitajiet tagħna. Nixtiequ li aktar
lokalitajiet jagħmlu użu mill-enerġija
alternattiva. Il-lokalitajiet tagħna għandu
jkollhom ukoll politika favur in-negozju u
l-kummerċ. Nixtiequ naraw aktar komunitajiet
jipparteċipaw fl-isports, fl-attivitajiet
kulturali li l-Kunsilli Lokali qed jiġu megħjuna
li jagħmlu b’fondi mill-Gvern. Irridu naraw li
l-Kunsilli jieħdu aktar inizjattivi
fl-edukazzjoni.
Nixtiequ naraw aktar lokalitajiet li jkunu ta’
attrazzjoni turistika u b’hekk jiżdied
il-kummerċ u jiżdiedu l-impjiegi
fil-lokalitajiet tagħna. Irridu li kull belt u
raħal tkun vetrina ta’ dak li hu Malti u
Għawdxi, tal-wirt kulturali, storiku u
tal-identità tagħna. Fl-ewwel sena ta’ din
il-leġislatura bdew u saru xogħlijiet fuq 80
proġett differenti mill-Gvern, fuq xtut, pjazez,
znieter, xogħlijiet ta’ restawr u l-ħarsien
tal-wirt stortiku. B’dawn il-proġetti nkunu qed
noħorġu aktar il-ġmiel ta’ dawn il-gżejjer u
tal-bliet u l-irħula tagħna. Nhar is-Sibt li
għadda ħabbarna wkoll il-proġetti għad-daħla ta’
Bieb il-Belt, Pjazza Ħelsien u s-sit tat-Teatru
Rjal, li saru fuq disinji tal-artisti Renzo
Piano. Dawn huma proġetti li jsaħħu l-identità
tagħna u se jlaqqgħu flimkien il-kultura,
l-arti, l-istorja, l-identità, il-valuri u
l-patrimonju tagħna. Flimkien qed inkomplu
nbiddlu wiċċ pajjiżna.
Il-Gvern qed iżid l-għodda għad-dispożizzjoni
tal-Kunsilli Lokali biex ikunu jistgħu jwettqu
aktar. Waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni
smajna l-bżonnijiet u fassalna l-għodda meħtieġa
u għalhekk qed insaħħu l-Kunsilli Lokali.
Ridna naraw li l-Kunsilli jieħdu inizjattivi
biex jaħtfu l-opportunitajiet li s-sħubija ta’
pajjiżna fl-Unjoni Ewropea ġabet magħha. Hawn
ukoll smajna u fassalna. It-twaqqif tal-MEUSEC
b’unit iddedikat għall-Kunsilli huwa xhieda ta’
dan. Fl-ewwel xhur ta’ ħidma diġà nistgħu naraw
il-frott tal-MEUSEC hekk kif 68 mis-97-il
applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea
kienu ġejjin mill-Kunsilli Lokali. U mhux biss
waqqafna din it-taqsima iżda minn din is-sena,
iddedikajna flus permezz ta’ skema ta’
finanzjament apposta sabiex ngħinu lil Kunsilli
Lokali jħallsu s-sehem tagħhom għall-proġetti li
jġibu mill-Unjoni Ewropea.
Lill-Kunsilliera Lokali li sena ilu kienu
hawnhekk minflokkom sabiex jieħdu l-ġurament
tagħhom, jien esiġejt minnhom serjetà u
kontabbiltà. U llum, minkom qed nitlob u
nistenna l-istess affarijiet. Il-Gvern se jkun
qiegħed iwieżen lill-Kunsilli Lokali fl-operat
leġittimu tagħhom. Il-Kunsilli jridu jissaħħu
aktar billi jkun hemm iktar tmexxija serja,
mibnija fuq kontabbiltà sħiħa fil-qafas
tal-liġi. B’hekk, permezz ta’ strateġija fit-tul
kif ukoll bl-appoġġ tal-Gvern, inkunu qed
intejbu dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja
tar-residenti. U t-tiġdid li aħna qed niddiskutu
fil-Parlament huwa propjament sabiex nindirizzaw
dawn l-affarijiet ukoll.
It-tieni pilastru hu s-solidarjetà. Irridu
lokalitajiet u komunitajiet fejn jimpurtana minn
xulxin, fejn nagħtu kas lil xulxin u fejn naħdmu
flimkien. B’solidarjetà nifhmu wkoll li
l-Kunsilli jridu jkunu ħolqa f’katina sħiħa ta’
istituzzjonijiet u inizjattivi fil-qasam
soċjali. Irrid nara l-Kunsilli Lokali ta’
pajjiżna bħala r-ruħ u l-mutur sabiex jippromovu
dak kollu li hu lokali. Irrid nara l-Kunsilli
Lokali jassiguraw li kulħadd ikun iħossu parti
mill-komunità lokali b’mod mill-iktar sħiħ u
parteċipattiv.
Dan
il-prinċipju jfisser ukoll li l-Kunsilli jridu
jkunu maqgħudin bejniethom u jaħdmu flimkien
għall-interess tal-komunità tagħhom. Irridu
naraw aktar Kunsilli jaħdmu flimkien fil-qafas
reġjonali speċjalment issa li t-tiġdid propost
ser ikun qed isaħħaħ iktar l-aspett reġjonali
ta’ pajjiżna b’formazzjoni ta’ reġjuni ġodda
wkoll għal Malta u Għawdex.
Mas-solidarjetà hemm pilastru ieħor li nemmen
huwa fundamentali fl-operat tal-Kunsilli li huwa
s-sussidjarjetà. L-eżistenza tal-Kunsilli hija
mibnija fuq dan il-prinċipju u għalhekk hemm
bżonn li jitħaddan ferm aktar fl-operat ta’
kuljum. Hemm bżonn ta’ sussidjarjetà f’kull
livell ta’ ħidma. Għalhekk, joħroġ il-bżonn li
l-ħidma tal-Kunsilli ma tkunx ċentralizzata
f’persuna waħda imma s-Sindku għandu jassigura
li kull Kunsillier ikun qed jagħti s-sehem
dirett tiegħu jew tagħha. Il-proċess ta’
konsultazzjoni li sar wera l-interess qawwi
tar-residenti fil-Kunsilli Lokali. Esprimew
ix-xewqa li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Kunsill.
Finalment, il-Kunsilli qegħdin hemmhekk
għar-residenti u mhux bil-kontra u għalhekk,
ir-residenti għandhom jitħallew isemmu leħinhom
bl-iktar mod qawwi possibbli u l-Kunsill, f’kull
deċiżjoni li jieħu għandu jagħti attenzjoni għal
dak li jkunu qed jgħidu r-residenti. It-tiġdid
li qed isir huwa wkoll intiż sabiex isaħħaħ dan
l-aspett li – l-Kunsilli Lokali qegħdin hemm
għar-residenti u mhux ir-residenti qegħdin hemm
għall-Kunsilli Lokali.
Hemm
ukoll il-bżonn li l-Kunsilli jkunu xprun
għas-sehem li l-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha
tagħti fit-tfassil u t-twettiq tal-politika anke
fil-livell lokali. Nemmen illi pajjiżna għandu
riżorsa importanti fil-ġenerazzjoni żagħżugħa li
għandha potenzjal qawwi biex tagħti kontribut
għall-preżent u l-futur ta’ dawn il-gżejjer.
L-istatistika dwar il-parteċipazzjoni
taż-żgħażagħ f’din l-elezzjoni hija xhieda
tal-potenzjal ta’ din il-ġenerazzjoni. 24%
tal-kandidati kollha kienu żgħażagħ u 25%
tal-kandidati eletti kienu kollha żgħażagħ. Huwa
tassew ta’ sodisfazzjon kbir għalija u
għall-pajjiż li nara din il-parteċipazzjoni
tajba ta’ żgħażagħ.
L-investiment qawwi li qegħdin nagħmlu
fl-edukazzjoni ta’ wliedna qiegħed jissarraf
ukoll f’servizz fil-lokalitajiet għall-ħolqien
tal-ġid komuni. Irrid nara l-iskejjel tagħna
jintużaw iktar u b’mod tajjeb, wara l-ħinijiet
tal-iskola. Dawn l-ispazji kważi f’kull lokalità
f’Malta u Għawdex għandhom jikkontribwixxu iktar
milli bil-mod tradizzjonali kif nafuhom aħna
s’issa. Hemm bżonn li bi prudenza u għaqal,
il-bibien tal-iskola jinfetħu beraħ sabiex isir
użu massimu mill-potenzjal li joffru.
Qasam ieħor relatat maż-żgħażagħ hu s-settur
tal-għaqdiet u l-volontarjat u nemmen li anke
huma għandhom rwol importanti fil-komunitajiet
tagħna. L-anzjani għandhom ukoll enerġija biex
jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-lokalitajiet li
trabbew u għexu fihom. Agħtu u oħolqu l-ispazju
biex kemm jista’ jkun iż-żgħażagħ , l-anzjani u
l-għaqdiet jipparteċipaw fil-komunità.
Is-sostenibbiltà hija r-raba’ pilastru li fuqha
trid tinbena l-politika tal-Kunsilli Lokali.
Il-Kunsill għandu jkun katalist biex l-iżvilupp
isir b’mod sostenibbli. Għandu jkun hemm biex
jixpruna l-attività ekonomika filwaqt li jħares
l-iżvilupp soċjali fil-komunità u billi jara li
l-ambjent tar-raħal u l-belt jiġi mħares.
Il-pajjiż ma jistgħax ikollu żvilupp sostenibbli
jekk il-lokalitajiet tagħna ma jkunux msejsa fuq
is-sostenibbiltà. Irridu li kull żvilupp isir
b’tali mod li jitgawda mill-ġenerazzjoni
preżenti imma ma jtellef xejn mid-drittijiet
tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. B’dak li
nagħmlu llum irridu nassiguraw li
l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikollhom ukoll
id-dritt li jiżviluppaw il-lokalità tagħhom kif
jidhrilhom huma li jkun l-aħjar fiż-żminijiet li
ġejjin.
Sinjuri,
Flimkien naslu u nirnexxu. Naslu u nirnexxu
fix-xogħol, fit-turiżmu, fl-ambjent,
fl-edukazzjoni u fl-enerġija jekk naħdmu
flimkien bħala Gvern u Kunsilli Lokali. Intom
trid tkunu sħab mal-Gvern Ċentrali fit-twettiq
tal-politika u l-viżjoni tagħna għall-ġid ta’
pajjiżna.
Iċ-ċerimonja ta’ llejla flimkien mat-tiġdid
tal-Kunsilli Lokali juri l-fiduċja tal-Gvern u
tal-poplu fis-sistema ta’ gvernar lokali u fuq
kollox fikom il-Kunsilliera. Nixtieq minn qalbi
nerġa’ nawguralkom kull suċċess fil-ħidma li
għandkom quddiemkom.
Jekk
ilkoll kemm aħna, naħdmu bl-għan aħħari li nkunu
strument għal titjib fil-kwalità tal-ħajja
fil-komunitajiet, allura jien persważ li jkollna
suċċess fil-ħidma tagħna, suċċess li intom
ilkoll tkunu parteċipi fit-tfassil u fit-twettiq
tiegħu.