Diskors
mill-Onor. Dr. Austin Gatt, Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali,
waqt iċ-ċerimonja tal-għotja tal-ġurament tal-ħatra taL-
kunsilliera lokali - 27-03-03
Għal xi wħud minkom illum qed tibda avventura ġdida.
L-oħrajn, li llum qed jieħdu ġurament biex jikkonfermaw dak li ħalfu
li jagħmlu tlett snin ilu, jixhdu mal-ġodda fostkom kemm hi siewja l-okkażjoni
tal-lum.
Mingħajr ma tippretendu ħlas dħaltu għal biċċa xogħol li minnha
m’għandkomx għax tistennew tgawdija. Jekk tmorru tajjeb, igawdu l-ġirien
tagħkom u dan hu l-unika sodisfazzjon li qed tistennew.
Għall-anqas sakemm ikun hemm Gvern
Nazzjonalista, tistgħu tippretendu Gvern li ser itikom ir-riżorsi biex
taħdmu u l-fiduċja fikom biex xogħolkom iħalli l-frott.
Meta bdejt xogħoli, il-Kunsilli
Lokali Maltin kienu xjuħ ta’ ħames snin. Sa dak inhar il-Gvern kien
wasal nofs triq fil-programm ta’ devoluzzjoni ta’ l-infrastruttura
lokali lejn il-Kunsilli Lokali. Wara r-responsabbiltajiet oriġinali li
ngħataw bil-liġi ta’ l-1993, il-Kunsilli Lokali ħadu
responsabbiltajiet ġodda f’April ta’ l-1995 u wara f’April ta’
l-1996. Għal sentejn u nofs wara dak inhar il-proċess ta’
devoluzzjoni waqaf.
L-ewwel inizjattiva li bdejna
nimplimentaw f’Ottubru ta’ l-1998 kienet il-proġett biex
il-Kunsilli Lokali jieħdu f’idejhom propjetà pubblika li ma kinitx
qed tintuża tajjeb biż-żejjed mill-Gvern. Dan ma kienx proġett
simboliku. Għall-ewwel darba ġie introdott il-prinċipju li r-responsabbiltà
ta’ Kunsilli Lokali m’hux bil-fors għandha tingħata minn fuq u
għal kulħadd l-istess. Kunsilli Lokali joħolqu proġetti minn jeddhom
b’riżq il-kommunitajiet tagħhom.
Il-Gvern, permezz ta’ din l-inizjattiva
stabbilixxa l-prinċipju fejn propjetà pubblika li m’hix tintuża sew
tista’ tkun ta’ ferm aktar fejda jekk tkun f’idejn il-Kunsilliera
Lokali. Minn Marzu ta’ l-1999 għaddejna lill-Kunsilli Lokali 42
biċċa propjetà madwar Malta u Għawdex u 43 oħra qed jitqiesu
bħal-issa mill-Gvern biex jgħaddu f’idejkom. In-numru forsi ma
jimpressjonax daqs kemm l-eżempji li rrid insemmi hawn biss bħala
wħud mill-ħafna inizjattivi li ħadtu.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien
li bidel id-Dar tal-Kejka minn attrazzjoni ta’ vandaliżmu u telqa
għal ċentru ta’ laqgħat taż-żgħażagħ tar-raħal u ċentru
edukattiv b’wirja tal-wirt Malti.
Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq li
fetaħ għall-pubbliku l-Mitħna tax-Xarolla u għamilha attrazzjoni
għal min irid jaqra din il-paġna mill-istorja ta’ l-irħula tagħna.
Bħalhom, it-Tunnara tal-Mellieħa,
it-Torri tal-Għargħur, ix-xelters tal-Munxar u tal-Birgu. Dawn
m’humiex biss xogħlijiet ta’ tindif, restawr u ftuħ
għall-pubbliku. Din hi l-enerġija lokali li flok żvogata
f’parrokkjaliżmu u rivalità, tissarraf f’monumenti li jqimu kull
ma jagħmilna Maltin.
It-tieni proġett li dħalna għalih
kien id-devoluzzjoni tal-libreriji lokali u reġjonali. Dan ukoll ma
kienx biss proġett ta’ trasferiment t’assi. L-aktar effett
importanti ta’ din l-inizjattiva kien li 35 librerija f’Malta u
Għawdex kibru, f’kotba, xkaffar u spazju għall-qarrejja u, forsi l-aktar
importanti, issa qed idumu miftuħa għal aktar siegħat biex jilħqu
aktar qarrejja f’aktar ħin. Fil-librerija ta’ Ħaż-Żebbuġ minn
self ta’ 7,850 ktieb fl-1998, is-self żdied għal 13,637 ktieb
fis-sena – żieda ta’ 73%. Fil-librerija tan-Naxxar is-self żdied
minn 9,257 għal 11,382 – żieda ta’ 23%. Fix-Xewkija, s-self żdied
minn 1,333 għal 4,706 – żieda ta’ 53%.
Hawn ukoll stabbilejna prinċipju. Il-Kunsilli
Lokali daħlu fil-ħajja soċjali u edukattiva tal-kommunità u ma baqgħux
limitati biss biex jieħdu ħsieb li l-infrastruttura tinżamm
miżbugħa u nadifa. Dan kien il-pilastru li fuqu bnejna l-proġett
tal-politika elettronika lokali, iżda fuq dan ser ikolli ċans
nitkellem aktar il-quddiem.
It-tielet inizjattiva li ħadna kienet
il-ħolqien tal-Gwardjani Lokali u t-Tribunali Lokali li daħlu
bis-saħħa tal-liġi li għaddiet bil-qbil ta’ kulħadd fl-1995.
F’xi bliet u rħula Maltin
irnexxielna nnaqqsu s-sens ta’ kaos li aktar milli joffendi s-sensibilità
ta’ min iħobb l-ordni, huma ta’ periklu għall-maġġoranza
tal-Maltin li f’ħajjithom iħallu l-ħaddieħor bi kwietu.
Stabilixxejna l-prinċipju li l-Ġustizzja
f’pajjiżna m’għandiex għax tiġi bilfors amministratta mill-Belt
Valletta u mir-Rabat t’Għawdex.
Stabilixxejna wkoll metodi kif
Kunsilli Lokali ġirien jaħdmu f’Kumitati Konġunti biex jitħaddmu
aħjar materji li jinteressaw aktar minn lokalità waħda. Fil-programm
elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-ħames snin li ġejjin qed
nikkonfermaw li rridu nibnu aktar f’dan il-qasam.
It-raba’ inizjattiva li ħadna tul
dawn is-snin kienet id-devoluzzjoni tad-dwal tat-toroq. Użajna din l-opportunità
biex naraw li waqt li qed ngħaddu lill-Kunsilli Lokali din
ir-responsabbiltà ntejbu l-kwalità tax-xogħol f’dan il-qasam.
Inħoloq għall-ewwel darba manwal ta’ saħħa u sigurtà għal dawk
li jaħdmu fil-manteniment tal-bozoz, u ħloqna inventarju u sistema
t’amministrazzjoni ta’ l-informazzjoni biex innaqqsu x-xkiel
burokratiku għal servizz tajjeb lill-pubbliku.
Il-ħames inizjattiva kienet id-devoluzzjoni
tal-bus shelters. Bħal f’ħafna responsabbiltajiet oħra bħal-issa
stess qed naraw il-qabża fil-kwalità li kienet konsegwenza diretta
tad-devoluzzjoni.
Is-sitt inizjattiva kienet il-liġi l-ġdida
dwar il-liċenzji tal-kummerċ li neħħiet minn idejn il-pulizija l-amministrazzjoni
ta’ liċenzji u permessi li llum jinteressaw Awtoritajiet bħal tat-Turiżmu,
tat-Trasport u tal-Kummerċ. Bħal dawn, il-Kunsilli Lokali huma l-awtoritajiet
illum kompetenti biex jagħtu permessi għal attivitajiet ta’ natura
temporanja fil-lokalità tagħhom. Dan hu poter li jġib miegħu
responsabbiltajiet sostanzjali li rridu nitgħallmu nħaddmu biż-żmien.
Kabbarna wkoll il-prinċipju li l-Kunsilli
Lokali jiġġeneraw ir-riżorsi tagħhom għal xogħolhom u ma
jiddependux biss fuq l-allokazzjoni ta’ kull sena li jgħaddi l-Gvern.
Minbarra ż-Lm 2 miljun fis-sena mill-infurzar tal-liġi, hu stmat li l-Kunsilli
Lokali se jkunu ġġeneraw bejniethom madwar Lm400,000 oħra mill-permessi
temporanji.
Is-seba’ inizjattiva kienet dik li
nrażżnu d-deficits fejn jeżistu. Fl-1998 kien hemm 23 Kunsill Lokali
li kienu fi żbilanċ finanzjarju. Erbgħa minnhom kienu prattikament
f’kundizzjoni ta’ falliment. Din kienet tendenza li qed tikber għax
is-sena ta’ qabel biss, fl-1997, kien hemm ħmistax-il Kunsill Lokali
b’deficit. Illum kważi ebda Kunsill Lokali ma jasal qrib li
jirraporta żbilanċ finanzjarju. F’egħluq l-aħħar sena finanzjarja
kien hemm biss tlett Kunsilli Lokali li kienu qed juru tendenza ta’
żieda fl-iżbilanċ tagħhom u anke dawn, fl-aħħar xaharejn, urew li
reġgħu qabbdu r-riedni.
Dan kien riżultat importanti għalina
lkoll għax bgħidna xi kritika li l-Kunsilli Lokali m’humiex jaghmlu
użu tajjeb tal-fondi pubbliċi. Bl-istrutturi li waqqafna fid-Dipartiment
tal-Kunsilli Lokali għandna l-għodda biex nassiguraw li l-qagħda
traġika li konna wasalna fiha fl-1998 ma nerġgħu qatt naslu għaliha.
Fl-1998 il-Kunsilli Lokali kienu bejniethom fi żbilanċ t’aktar minn
Lm700,000. Sa Marzu li għadda, l-iżbilaċ trażżan għal Lm190,000.
It-tmien inizjattiva hi l-ħolqien ta’
politika elettronika lokali li żviluppajna fl-interess tar-residenti
tagħkom. L-eGovernment hu r-rivoluzzjoni li qed nagħmlu ... it-tiġdid
li għandna bżonn biex inwelldu mill-ġdid l-istrutturi ta’ kif naqdu
lill-pubbliku.
It-teknoloġija toffri opportunitajiet
u vantaġġi kbar, iżda hekk kif tkun qed tiżviluppa soċjetà ta’
l-informazzjoni, tista’ tfeġġ firda diġitali bejn dawk li jlaħħqu
mat-teknoloġija u dawk li ma jlaħħqux. Irridu li ħadd ma jitħalla
‘l barra u kulħadd ikollu sehem attiv fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni
ikunu x’ikunu iċ-ċirkostanzi finanzjarji, soċjali jew edukattivi ta’
dak li jkun.
Biex nilħqu din il-mira, irridu l-aktar
naħsbu f’żewġ aspetti: it-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni
jridu jkunu aktar aċċessibbli u li joqgħodu fi bwiet dawk li
jaqilgħu anqas. Irid ikun hemm ukoll taħriġ u edukazzjoni dwar kif
it-teknoloġiji l-aħjar jintużaw.
Huwa b’dan li magħkom qed niftħu
ċ-ċentri għall-użu ta’ Internet fil-lokalitajiet ta’ Malta u
Għawdex; u magħkom qed nipprovdu l-korsijiet MyWeb biex inwasslu l-benefiċċji
minn dawn l-għodda l-ġodda għand kulħadd. Disat elef ruħ talbuna
jidħlu għall-kors ta’ l-Internet My Web, li l-Gvern qed jipprovdi
b’xejn mal-Kunsilli Lokali.
Jidher ċar x’domanda kien hemm
għal inizjattivi bħal dawn.
Ix-xogħol tagħna flimkien jistrieh
fuq il-fiduċja li l-parti l-kbira minkom għandhom l-istess viżjoni
tagħna: li joffru servizz aħjar lill-pubbliku.
Mill-Gvern irid ikun hemm impenn lejn
il-Kunsilli Lokali li jkun ġenwin u konsistenti. F’dawn l-erba’
snin urejna dan l-impenn fl-aktar mod ċar. L-awtonomija tal-Kunsilli
Lokali tissarraf l-ewwel u qabel kollox f’kemm ikollhom riżorsi biex
jaħdmu. Kull prinċipju fil-liġi jew diskors politiku ma jixhdu xejn
daqs kemm jixhed kemm il-Gvern juri fiduċja fil-Kunsilli Lokali billi
jtihom sehem akbar mill-ispiża pubblika x’jamministraw.
Kull sena mit-twaqqif tal-Kunsilli
Lokali, mingħajr eċċezzjoni, il-Gvern Nazzjonalista żied il-finanzi
tal-Kunsilli Lokali fuq is-sena ta’ qabel. Dan b’kuntrast
mas-sentejn tal-Gvern Laburista fejn iż-żewġ allokazzjonijiet li
ngħataw kienu anqas minn tas-sena ta’ qabel. Gvern Laburista
f’sentejn qaċċat 18% ta’ l-allokazzjoni lill-Kunsilli Lokali.
F’sentejn reġġajna lura dak it-tqaċċit u llum il-Kunsilli Lokali
jieħdu 22% aktar fondi milli ħadu fl-1998.
Minbarra hekk, ftaħna l-ispazju
għall-Kunsilli Lokali biex ikabbru d-dħul tagħhom u ma jiddependux
fuq il-ħniena tal-Gvern li jżid kull sena l-allokazzjoni finanzjarja.
Illum il-Kunsilli Lokali jżidu b’20% id-dħul tagħhom ma’ dak li
jgħaddilhom il-Gvern.
Iżda l-aktar żvilupp importanti li
sar fil-qasam tagħna kienet iż-żieda tal-Kunsilli Lokali fil-qafas
istituzzjonali u kostituzzjonali ta’ Malta. Issa intom protetti
fil-Kostituzzjoni tagħna. Inpoġġiha aħjar: id-dritt tas-sussidjarjetà
li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-livell l-eqreb possibbli ta’ dawk
li jintlaqtu minnhom, issa hu protett mill-Kostituzzjoni.
U issa nħarsu lejn il-futur.
Meta tnax-il sena ilu bdejna
nikkonkretizzaw l-inizjattiva tad-demokrazija lokali, jien kont
Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Tnax-il sena ilu konna
rrestawrajna l-istabbiltà fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u
raddejna lura l-kalma u l-għixien lill-Maltin. Ftaħna l-bibien
għall-opportunitajiet kummerċjali u ħloqna l-ġid.
Il-pass li jmiss kien li l-Maltin
ikunu aktar ħielsa fl-għażliet tagħhom u ħloqna, għall-ewwel darba,
id-dritt tal-Maltin li jagħżlu l-mexxejja tal-bliet u l-irħula
tagħhom minn fosthom.
U llum, li għamilna dan kollu,
ngħidu l-bidla ma tistax tieqaf: illum ukoll il-bidla trid tkompli
billi nsiru membri ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-parti l-kbira mill-prodotti li
jixtru u jbiegħu il-Maltin, jinbiegħu u jinxtraw mill-Ewropa. It-tkattir
tal-ġid u x-xogħol għall-Maltin jiddependi fuq il-paċi, l-istabbiltà
u x-xogħol fl-Ewropa. Fl-Ewropa kuljum jittieħdu d-deċiżjonijiet li
jolqtu lill-Maltin. U minn issa l-quddiem il-Maltin ser ikollhom vot
demokratiku li jinfluenza dawk id-deċiżjonijiet li jolqtuhom. Iżda
m’hix ekonomika, ir-raġuni primarja għalija għalix għandna nkunu
membri ta’ l-Unoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea hi forza ġdida u
qawwijja għall-paċi, li tħaddan dawk il-prinċipji ta’ drittijiet u
ta’ ġustizzja soċjali li huma l-istess prinċipji li suppost
inħaddnu lkoll kemm aħna. M’hux biss temmen f’dawk il-prinċipji,
iżda wkoll tħarishom u tiggarantihom, biex f’Malta wkoll qatt aktar,
bħalma darba kienu, ma jerġgħu jkunu mheddha.
Il-Maltin li ilhom għaxar snin
jaħtru b’vot ħieles lis-Sindki u ‘l-Kunsilliera tagħhom, ser issa
jibdew jaħtru b’vot ħieles lir-rappreżentanti Ewropej tagħhom li
ser ipoġġu madwar l-istess mejda ma’ pajjiżi żgħar u kbar, iżda
lkoll ġirien indaqs.
Din ser tkun l-akbar bidla minn mindu
l-poplu Malti, f’referendum iddeċieda li Malta ssir Indipendenti.
‘Il-bidla tkompli’ u saħħitkom
bħala r-rappreżentanti u l-mexxejja tal-bliet u r-rħula Maltin ser
tikber f’Malta l-ġdida, sieħba ta’ l-Ewropa l-ġdida. Il-futur ta’
Malta wasal, u l-futur ta’ l-Ewropa wasal ukoll. L-Ewropa ser tkun
dejjem anqas Ewropa tal-gvernijiet u tal-ġnus, u dejjem aktar Ewropa
tal-bliet u l-irħula.
Fl-Unjoni Ewropea għandkom il-mezzi
biex tattiraw investiment lejn blietkom: investiment
fil-kwalità ta’ l-ambjent urban,
fil-faċilitajiet għal turisti li jżuru x-xtajtiet
u l-mixjiet fl-egħlieqi li tieħdu ħsieb;
fit-taħriġ għal residenti tagħkom li għandhom
bżonn għajnuna biex jerġgħu imorru għax-xogħol –
min imdorri jaħdem f’industriji antiki,
min ilu wisq maqtugħ mis-suq tax-xogħol,
min għandu bżonn jitgħallem lingwa oħra biex
ilaħħaq ma’ min iżurna,
min għandu bżonn jitgħallem juża l-kompjuter.
Bi sħubija fl-Unjoni Ewoprjea,
il-Kunsilli Lokali Maltin ikunu jistgħu jibbenefikaw minn fondi biex
jkunu jistgħu jagħmlu ġemellaġġi mal-lokalitajiet fejn hemm
komunitajiet kbar tal-Maltin u li m’humiex minn pajjiżi membri fl-Unjoni
Ewropeja.
Fl-Unjoni Ewropea, intom il-mexxejja
tal-bliet u r-rħula Maltin, għandkom il-mezzi toħolqu x-xogħol
għall-Maltin f’Malta. Qatt daqs illum il-Kunsilli Lokali Maltin ma
kellhom daqs’hekk ċans ikunu tant siewja fil-ħajja tal-Maltin.
Intom mistiedna fil-Kumitat tar-Reġjuni
ta’ l-Unjoni Ewropea biex tgħassu lill-Ewropa kif tgħassu lilna
f’Malta: taraw li d-deċiżjonijiet dejjem jittieħdu hemm fejn hu l-eqreb
possibbli taċ-ċittadini, hemm fejn hu l-eqreb possibbli ta’ dawk li
jivvutawlkom. Intom fdati b’sehem minn responsabbiltà li bħalha ebda
Malti qatt ma kellu: sehem mill-gvern ta’ l-Ewropa.
Meta konna maħkumin, konna bissa
noħolmu kif kellha tkun l-Ewropa – ma konniex nifhmu l-gwerer u l-firda;
l-Ewropa ta’ Kajjin u l-Ewropa t’Abel. Illum ulied Kajjin u Abel ta’
l-Ewropa fehemu dak li aħna fehmna qabilhom: il-ġid jitkattar biss
jekk tinħoloq il-fiduċja … fiduċja bejn popli ġirien, bejn bliet u
rħula ġirien; fiduċja, ukoll, fil-Maltin.
Għamilna sittin sena ngħidu li
f’Ewropa mifruda rridu nkunu newtrali … issa li hi magħquda,
għandna d-dmir li ngħinu mmexxuha … intom għandkom id-dmir tgħinu
tmexxuha.
‘Il-bidla tkompli’ u l-poter
tal-Maltin li jinfluenzaw id-deċiżjonijiet li jolqtuhom bil-vot
tagħhom ser ikompli jitkattar. B’referendum il-Maltin għażlu r-rotta
għall-futur. Bħalkom, tassew kburi li qed ngħix f’dan il-mument
storiku għal pajjiżna. Iżda dan m’hux kumbinazzjoni. Il-partit li
nagħmel parti minn jien, il-Partit Nazzjonalista, mill-ġdid qed ikun
dak il-partit li flok b’isteriżmu jidħol f’qoxortu mwerwer,
jgħolli ħarstu ‘l quddiem lejn il-futur tal-Maltin. Għaxar snin ilu,
il-futur kien li nħawlu d-demokrazija lokali u dak il-futur baqgħalu
ħafna fejn jikber. Ma’ dak naraw ukoll il-futur ta’ Malta
Indipendenti, ta’ Malta msieħbda fl-Ewropa Waħda.