ILLUM il-pajjiż jagħti l-aħħar tislima lil Agatha Barbara, President Emeritus tar-Repubblika, permezz ta' funeral statali. Hekk sewwa u xieraq.
Lil Agatha Barbara tista' tiddeskriviha fi tliet kelmiet: mara ta' l-azzar. Għax mara ta' l-azzar kienet. Mara li kissret barrieri fejn jidħlu drittijiet u dinjita' tal-mara Maltija u Għawdxija. Mara li għamlet passi ta' ġgant fejn ħaddieħor lanqas biss kien joħlom li jirfes. Mara li naqqxet post fl-istorja ta' pajjiżna mhux biss għaliha personali imma għall-mara Maltija u Għawdxija. Mara li wriet li l-mara Maltija u Għawdxija hija kapaċi daqs ir-raġel Malti u Għawdxi. Mara li għaliha ma kienux jeżistu fruntieri.
Ma kienx faċli għal mara fis-Snin Erbgħin biex tazzarda tmiss ix-xena politika, aħseb u ara biex tikkontesta elezzjoni. Imma għal Agatha Barbara d-deċiżjoni kienet ittieħdet - taqbeż u tfarrak din il-barrikata. U hekk għamlet. U saret l-ewwel mara li kisbet post fl-Assemblea Leġġislattiva. Biex imbagħad saret l-ewwel Ministru mara u eventwalment laħqet l-ogħla kariga li jista' jkollu ċittadin Malti - President tar-Repubblika.
Kisba wara oħra li madankollu ma nessew QATT lil Agatha Barbara l-post minn fejn
telqet: il-klassi tal-ħaddiem. Agatha Barbara baqgħet sa l-aħħar nifs ta' ħajjitha b'saqajha ma' l-art. Tappartjeni lill-klassi tal-ħaddiema. Ħajjitha għaddietha fi ġlieda kontinwa għall-ksib ta' drittijiet għall-ħaddiema. Ħajjitha kienet kapitlu wieħed b'risq il-pajjiż u l-ħaddiem. Kienet tħossha onorata li spiċċat il-ħabs fil-ġlieda kontra l-barrani ħakkiem. Ma ddejqtix tkun fl-iżbarra tal-Qorti quddiem Maġistrat Malti biex jitfagħha l-ħabs għax kienet qed tagħti sehem dirett u sfiq għal pajjiżna.
Agatha Barbara għamlet dak kollu li setgħet biex iben il-ħaddiem ikollu l-istess opportunita' ta' iben is-sinjur fejn tidħol l-edukazzjoni. Ħadmet fuq li ħadmet biex tnissel kuraġġ fost il-ħaddiema u turihom li wliedhom kienu daqs ulied ħaddieħor. U bi Gvern Laburista li minnu kienet tifforma parti, iben il-ħaddiem għamel passi kbar u fehem li xejn m'għandu xi jżommu milli hu wkoll ikun tabib, avukat, perit u kull professjoni oħra. U dawk il-barrieri tkissru wkoll.
l-orizzont, il-ġurnal li twieled mill-klassi tal-ħaddiema biex ikun vuċi tagħhom u għalihom, illum isellem lil Agatha Barbara u jirringrazzjaha f'isem il-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha. Grazzi Agatha għal dak kollu li għamilt għalina.