Kienet l-għażla tal-poplu Malti u Għawdxi li tul is-snin żammet it-tarzna miftuħa. L-istorja tat-tarzna nnifisha tirrifletti l-istorja ta' pajjiżna, minn żmien il-kolonjaliżmu u l-użu ta' Malta bħala l-aqwa fortizza fil-Mediterran għad-deċiżjoni li l-poplu tagħna jibda jgħix permezz tal-paċi.
Kull meta kien hemm kwistjonijiet dwar id-destin tat-tarzna, minn żminijiet it-tmexxija kolonjali għall-aktar żminijiet riċenti, dejjem kien il-poplu Malti li wera d-determinazzjoni tiegħu li nħarsu din l-industrija ewlenija f'pajjiżna, bl-impjiegi li tipprovdi.
Il-fatti juru li l-interessi veri tat-tarzna u l-ħaddiema tat-tarzna dejjem kienu mħarsin biss u bl-akbar serjetà mill-General Workers' Union, li min-naħa l-oħra sabet l-appoġ; tal-Partit Laburista u ta' gvernijiet Laburisti.
Kienu x'kienu ċ-ċirkostanzi, u kien f'liema pożizzjoni kien, il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu tendenzi ostili għat-tarzna. Minn dejjem rawwem u ta kenn ġo fih lil elementi li l-interess ewlieni tagħhom kien li jfarrku t-tarzna, li jħarbtu lill-ħaddiema tat-tarzna u li jxejnu l-għaqda fost il-ħaddiema tat-tarzna.
Jidher li dis-sena l-gvern Nazzjonalista mmexxi mill-Avukat Fenech Adami reġa' ddeċieda li jagħmel kruċjata politika u manipulata bil-għan li jqabbeż il-kwistjoni tat-tarzna fin-nofs kull meta jkollu l-ħtieġa ta' forċina politika.
Hemm kull indikazzjoni li l-kap Nazzjonalista, li għaddej mill-agħar fażi fil-karriera politika tiegħu, meta fil-partit tiegħu tista' tgħid li kulħadd isostni li huwa responsabbli għall-inkwiet li hawn fil-pajjiż u li għandu jwarrab, qed jipprova jimmanipula t-tarzna biex jagħti l-impressjoni li huwa f'saħħtu.
L-elementi li jonfħu l-propaganda fil-PN jifhmu wkoll li jekk iqanqlu l-inkwiet dwar it-tarzna jittamaw li jsibu l-mod kif iwarrbu l-attenzjoni tal-poplu u tal-partitarji tagħhom mill-problemi serjissimi li qegħdin ifarrku l-pajjiż u l-partit tagħhom. Jifhmu li hawn għandhom għodda li jistgħu jużaw biex jilagħbu bl-opinjoni politika.
Fattur ieħor importanti għall-Avukat Fenech Adami huwa dak li jorbot ma' l-attentati sfrenati tiegħu biex jasal fi ftehim ma' l-Unjoni Ewropea dwar is-sħubija mmedjata ta' pajjiżna. Hawn tidħol ukoll it-tarzna - għaliex wieħed mill-elementi ta' nkwiet serju li għandu quddiemu huwa propju l-għixien u l-ħajja tat-tarzna.
L-Unjoni Ewropea ma tippermettix li jkun hemm sussidji għat-tarznari, u hawn wieħed jibda jifhem għaliex hemm dik il-ħerqa u l-għaġġla kollha min-naħa tal-Kabinett Nazzjonalista mmexxi minn Fenech Adami biex jipprova jaqta' s-sussidji lit-tarzna. U hawn wieħed bil-fors li jinnota kif f'din il-kwistjoni Fenech Adami tant jgħaġġel u jħaffef juża l-Kabinett, fil-waqt li kważi f'kull kwistjoni oħra qed iħalli l-pajjiż jixxejjer u jmur il-baħar.
Nifhmu wkoll li t-tarzna ta' Malta hija ta' kompetizzjoni għal tarznari oħrajn fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea, u hawn jista' jkun hemm interessi li jwasslu messaġġi li forsi l-ħajja tkun aktar faċli jekk it-tarzna ta' Malta tisparixxi - jew għall-inqas ma tibqax l-entità ħajja u ħabrieka li tradizzjonalment hija magħrufa. Għalhekk ukoll nisimgħu b'attentati biex it-tarzna titfarrak mill-organizzazzjoni li hija llum, u minn żmien għal żmien ikun hemm attentati biex partijiet minnha jitwarrbu u li tiżżarma mill-mod kif nafuha.
Fil-waqt li huwa fatt li t-tarzna jinħtieġ li ssir aktar effiċjenti, li x-xogħol isir b'organizzazzjoni aktar moderna, u li naċċertaw ruħna li tabilħaqq inkunu nikkompetu u nistgħu nimxu 'l quddiem, bl-ebda mod ma jista' jkun permess li l-gvern Nazzjonalista mmexxi minn Fenech Adami jibqa' jilgħab bid-destin tat-tarzna għall-għanijiet politiċi tiegħu.
Quddiem dawn il-fatti u dawn iċ-ċirkostanzi dejjem tibqa' tiddomina l-pożizzjoni serja u responsabbli tal-GWU li hija - u hija biss - kapaċi tagħti t-tmexxija li jinħtieġġu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Hija wkoll il-GWU li tagħraf u tifhem l-importanza kbira li għandha t-tarzna fit-tħaddim ta' l-ekonomija Maltija bid-dħul li kapaċi tiġġenera, għaliex għalkemm jidher li jkun hemm telf f'ċertu xogħol fit-tarzna nnifisha, ħafna drabi jkun qed jiġi ġenerat dħul importanti u attività essenzjali f'setturi oħrajn ta' l-ekonomija< fatti li l-gvern u l-Partit Nazzjonalista qatt ma jsemmu.
l F'dawn il-jiem il-GWU reġġgħet tat prova oħra tar-responsabbiltà tagħha. U huwa importanti li l-ħaddiema tat-tarzna jibqgħu dejjem magħqudin wara t-tmexxija serja tal-GWU. Dan huwa wkoll fl-aħjar interess nazzjonali.