UĦUD mis-sajjieda Maltin u Għawdxin il-bieraħ għaddew għall-istaġġun tal-lampuki. Għadhom kemm ħerġin mill-istaġġun tat-tonn. Staġġun li din is-sena kien karatterizzat minn qbid inqas ta' tonn u konsegwenzjalment dħul inqas ta' flus għas-sajjieda tagħna. Agħar minn hekk kien staġġun karaterizzat minn nuqqas ta' sigurtà li s-sajjieda tagħna għandhom mhux biss fl-ibħra internazzjonali, imma wkoll fl-ibħra territorjali tagħna.
L-istorja tal-gwerra tat-tonn ta' ftit ġimgħat ilu jafha kulħadd. Kienet segwita sewwa mill-mezzi kollha tax-xandir. Stajna naraw kif sfaw trattati s-sajjieda tagħna. Rajna kif is-sajjieda tagħna minn qabda tonn kbira lanqas biss ħadu x'isajru.
Il-Gvern Malti ddeċieda li s-sajjieda Taljani kellhom raġġun fil-kwistjoni u qabad u tahom it-tonn kollu.
Wieħed irid jimmaġġina li kieku l-istorja ġrat bil-kontra x'kien jiġġri mis-sajjieda tagħna. Wieħed irid jimmaġġina x'kien jiġġri kieku kienu sajjieda Taljani li qabdu l-gaġġa bit-tonn u ħaduha lejn l-Italja bis-sajjieda Maltin isegwuhom u jaqbdu u jidħlu f'port Taljan. Mhux tonn ma kienux jieħdu s-sajjieda Maltin imma x'aktarx li kienu jispiċċaw bil-laneċ tagħhom konfiskati u huma quddiem il-Qrati Taljani.
Imma aħna le. Aħna spiċċajna redikolati bil-Port il-Kbir ikkapparrat minn skejjen tas-sajd Taljani, bis-sajjieda tagħna provokati mit-Taljani u bil-Pulizija Maltija tinterroga lis-sajjieda
Maltin. Ma' dan kollu wieħed ma jistax iħalli barra l-akkuża serja li qegħdin jagħmlu s-sajjieda Maltin li l-Forzi Armati ta' Malta sparaw fuqhom. Storja li m'għandhiex tieqaf hawn. Storja li m'għandhiex tirrepeti ruħha. Anzi. Għandha tkun storja li twassal biex is-sajjieda tagħna jkollhom protezzjoni mill-Forzi Armati ta' Malta.
Is-sajjieda Maltin kienu sostnew li l-atteġġjament tal-Gvern Malti fil-konfront tagħhom fil-kwistjoni tal-gwerra tat-tonn żviluppa kif żviluppa għax dawk involuti kienu sajjieda Taljani u l-Gvern ma jridx jurta lit-Taljani minħabba l-appoġ; li jrid mingħandhom għal sħubija sħiħa ma'
l-Unjoni Ewropea. Nemmnu li s-sajjieda ma kienux bogħod mill-verità .
Il-mistier tas-sajd jitlob sigħat twal ta' xogħol. Ma jeżistux regoli trade unjonistiċi mas-sajjieda. Ħidma kontinwa u impenjattiva. Jinvolvi spejjeż enormi. U għalhekk iniktuk figuri bħal dawk li jirrigwardaw l-istaġġun tat-tonn li għadu kemm intemm. Huma figuri li minnhom infushom jitolbu azzjoni.