Nhar is-Sibt tal-ġimgħa l-oħra ltaqa' għall-ewwel darba f'Malta l-Kunsill Konsultattiv għall-Ekonomija taħt it-tmexxija tal-Ministru Josef Bonnici. Dan hu kunsill magħmul minn ċittadini Maltin jew ta' dixxendenza Maltija li għamlu isem għalihom u għal pajjiżhom fil-kamp internazzjonali. Kollha huma jew kienu f'pożizzijonijiet awtorevoli fit-tmexxija ta' kumpaniji barranin b'reputazzjoni kbira u li kisbu suċċess indiskuss.
Dan hu fattur importanti fih innifsu għaliex jagħti perspettiva ġdida lill-politika tal-Gvern iżda juri wkoll it-talent kbir li jeżisti fost il-poplu tagħna. Juri wkoll il-ġibda kbira li pajjiżna jibqa' joffri lil uliedu mxerrdin madwar id-dinja. Fuq kollox iżda wieħed jinnota ċertu grad ta' ottimiżmu fil-futur ta' pajjiżna jekk jirnexxielna nkomplu ngħaqqdu l-forzi ta' kull min jista' jikkontribwixxi.
Matul din il-ġimgħa wkoll il-Parlament tagħna waqaf għall-vaganzi tas-Sajf
- vaganzi ġustifikati wara sessjoni twila ta' laqgħat u impenji li ċertament kienu mingħajr preċedent. Iżda nistgħu, bħal fil-każ tal-Kunsill Konsultattiv Ekonomiku, ngħidu li f'din l-istituzzjoni sar sforz qawwi u komuni biex dak li hu fl-interess ta' pajjiżna jsir tajjeb, malajr u bl-akbar effiċjenza?
Jiddispjaċina nirrimarkaw li matul din is-sena parlamentari rajna Oppożizzjoni li ħsiebha kien biex tfixkel, tostakola u ttawwal il-proċeduri. Ħafna huma ta' l-opinjoni illi kieku ma kienx hemm dan it-tfixkil kieku seta' sar ħafna aktar xogħol b'riżq il-pajjiż u l-poplu tagħna. Niftakru li mill-Parlament jgħaddu l-aktar liġijiet importanti li jfasslu ħajjitna, li jaġġornaw għaż-żminijiet ta' llum il-mod kif ngħixu. Insomma, f'kelma waħda nistgħu ngħidu li l-futur tagħna lkoll jiddependi ħafna minn dak li jkun deċiż fil-Parlament.
Ħafna għadhom isostnu li l-atteġġjament ta' l-Oppożizzjoni għadu kondizzjonat minn dak li ġara tliet snin ilu eżatt fl-istess Parlament meta minħabba l-ebusija tar-ras, u minħabba ineffiċjenza fit-tmexxija, il-Gvern Laburista kellu jwarrab wara Elezzjoni li fiha qala' tkaxkira kbira. U niftakru wkoll li parti minn dik id-disfatta tal-Partit Laburista kienet kawżata mill-mod bla għaqal kif ipprova jmexxi l-Proġett tal-Kottonera
- proġett li fuqu ħadem mill-ewwel Gvern Nazzjonalista hekk kif reġa' fil-poter. Proġett li propju din il-ġimgħa bdejna naraw l-ewwel frott tiegħu bil-ftuħ
tal-Casino di Venezia, b'investiment ta' miljuni ta' liri u bl-impjieg ta' 'l fuq minn 150 ħaddiem.
Il-Partit Laburista għadu ma jistax - jew ma jridx - jifhem li bil-politika tiegħu ta' ostruzzjoni qed jagħti gambetta lilu nnifsu. Kieku għażel it-triq li jkun kostruttiv mhux biss ikun qed jgħin lill-poplu iżda jżid fil-kredibbiltˆ tiegħu. Kif qed jagħmel, iżda, m'hu qed jasal imkien u ħlief ħsara m'hux qed iwettaq.
Wieħed jittama li din il-waqfa ta' ftit ġimgħat iġġib magħha ħsieb ġdid fil-Partit Laburista. Jekk il-poplu se jibqa' jara f'dak il-partit mezz biss ta' kif jostakola lill-Gvern u l-progress tal-pajjiż se jibqa' wkoll fil-qagħda li hu biss partit ta' l-Oppożizzjoni. Jekk jibqa' ma joffri l-ebda alternattiva kredibbli iżda jibqa' jsegwi l-ordni ta' Alfred Sant ta'
'gwerra, gwerra, gwerra', se jkollu aktar problemi fil-futur.
Pajjiżna jixraqlu l-għajnuna ta' kull Malti. Ta' hawn u ta' barra. Meta se jasal dak iż-żmien.