IT-TIELET SENA TA’ HIDMA TAL-GVERN: "INSAHHU PAJJIZNA" –
MINISTERU GħAT-TRASPORT U
KOMUNIKAZZJONI
Il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni jinsab fil-qalba ta' dak li jaħsbu u jixtiequ n-nies. Filwaqt li s-sena li għaddiet il-Ministeru kien fiċ-ċentru ta' l-attenzjoni tal-pubbliku ta' pajjiżna minħabba l-bidliet li kienu qed iseħħu fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, issa li dan il-qasam qabad ir-ritmu normali tiegħu, l-isfidi li fadal jolqtu l-aktar l-oqsma tat-trasport u tat-toroq.
It-tnax il xahar li għaddew raw bidla radikali f'dak li huma servizzi li jingħataw mill-operaturi fis-settur tat-telekomunikazzjoni. Wara li bdew deħlin fis-seħħ l-effetti tal-liberalizazzjoni f'dan is-settur, il-pubbliku ingenerali seta' jgawdi mill-bidliet li kienu seħħew fit-tnax-il xahar ta' qabel. M'għandix dubbju li llum kull min iħares lura, jasal għall-konklużżjoni li l-effetti tad-deċiżjonijiet tal-Gvern f'dan il-qasam kienu pożittivi.
L-anqas igħaddili minn moħħi niftakar kif seħħew il-bidliet li fil-fatt twettqu. M'għandix għalfejn infakkar kif dawn il-bidliet sabu reżistenzi kbar minn dawk kollha li ma qablux mall-bidliet li kien qed iwettaq il-Gvern. Illum, sena wara, dawk li l-aktar oġġezzjonaw għal dawn il-bidliet, iridu jidhru daqs li kieku il-bidliet ġabuhom huma.
L-akbar effett tal-bidliet, sa issa, kien in-numru ta' persuni li għandhom il-faċilita' ta' mobile phone. In-numru ta' persuni li għandhom dan is-servizz żdied, u wieħed jista' jgħid li lanqas nistgħu nagħmlu paragun. Filwaqt li fil-bidu tas-sena elfejn, kellna madwar għoxrin elf (20,000) ruħ li għandhom mobile phone, illum għandna madwar mija u disgħin elf (190,000) ruħ li għandhom dan is-servizz. Servizz mibdul, miżjud u aktar aċċessibli, li permezz tiegħu qed noqorbu lejn il-livell ta' servizz, li jinstab f'pajjiżi iktar żviluppati minna.
Matul ix-xhur li għaddew, seħħet fażi oħra tal-liberaliżazzjoni. Illum, hu possibli li l-cable television jiġi pprovdut minn iżjed minn operatur wieħed. Sa issa, għalkemm għaddew xi xhur minn meta tneħħa il-monopolju, għadhom ma ġewx applikazzjonijiet ġodda għal dan is-servizz. Dan ma jfissirx li aktar 'l quddiem mhux ser ikun hemm operaturi li jaħdmu f'dan is-servizz.
Lanqas ma jfisser li m'hemmx min qed jara x'jista' jkun is-sehem tiegħu mis-suq tal-cable li kieku kellu jidħol f'dan is-suq.
Minbarra dawn is-setturi, issa li qed noqorbu lejn is-sena 2003, id-data li l-Pjan Nazzjonali għall-bidliet fis-settur fassal bħala waħda mportanti, iktar operaturi jibdew iħejju għal vantaġġi li jistgħu jinkisbu bil-liberalizazzjoni ta' setturi oħra.
Kienu bosta dawk li sena ilu qalulna li ma konniex nafu x'qed nagħmlu meta fassalna il-bidliet li ppubblikajna. Illum nistgħu ngħidu li din il-kritika spiċċat.
L-Awtorita' Maltija dwar il-Komunikazzjoni bdiet, bil-mod il-mod tistabbilixxi ruħha bħala l-Awtorita' Regolatorja. Il-fatt li issa ftit li xejn ikun hemm artikli fil-ġurnali hu ndikazzjoni li dawk li jmissu ma' l-Awtorita' qed igħarfu li din l-Awtorita' qed twettaq id-dmir tagħha bl-aħjar mod possibli.
Jekk il-qasam tat-telekomunikazzjoni kien qed jinbidel kif semmejt aktar il-quddiem, setturi oħra li wkoll jaqgħu taħt il-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni ma setgħux jibqgħu lura.
Bħal fil-każ tat-telekomunikazzjoni, il-qasam marittimu kien qed jaffaċċja realitajiet ġodda li daħlu fis-seħħ bil-bidliet fil-liġi dwar il-vapuri merkantili. Minbarra hekk, is-sena li għaddiet kienet waħda mportanti, għalkemm sa issa mhux viżibbli għall-bidliet li riedu jseħħu fil-portijiet tagħna.
Il-Reġistru Merkantili Malti, ir-raba' l-akbar reġistru tal-vapuri fid-dinja ried jadatta ruħu għall-bidliet sostanzjali li seħħew bl-emendi tal-liġi dwar il-vapuri merkantili. Ma kienx faċli li dawn il-bidliet jiġu prattikati. Madanakollu, wieħed jista' igħid li llum adattatjna ruħna sew għal dak li hemm maħsub fil-liġi.
Tajjeb wieħed jiftakar ukoll li din is-sena kienet l-ewwel sena sħiħa wara il-każ tal-Erika. Dan il-każ li kif nafu ġab miegħu numru ta' bidliet fil-qasam tal-vapuri merkantili, ġab miegħu ukoll numru ta' proċeduri ġodda li uħud minnhom diġa' qed jiġu prattikati, filwaqt li oħrajn mistennija li jiġu mwettqa matul iż-żmien li ġej. Malta ukoll trid tara li dawn il-bidliet jiġi prattikati mill-flotta tagħha.
Fil-qasam tal-portijiet lokali, wara snin nitkellmu dwar il-ħtieġa li jseħħu numru ta' bidliet fil-portijiet tagħna wasal il-mument li dawn il-bidliet jibdew jidħlu fis-seħħ. Wara sensiela ta' studji, konferenzi u rapporti dwar il-portijiet tagħna wasalna fl-istadju fejn kulħadd qed jaċċetta li wasal iż-żmien għall-bidliet neċessarji. Dan ma jfissirx li dawn il-bidliet ser iseħħu mil-lum għal għada. Ifisser, biss, li nistgħu naslu, flimkien , biex infasslu il-bidliet meħtieġa, u wkoll li naraw kif dawn il-bidliet nipprattikawhom.
Hu mistenni li l-Kunsill Konsultattiv dwar il-Portijiet iwassal il-proposti tiegħu sa nofs Diċembru, sabiex imbagħad, matul is-sena d-dieħla jibdew jitwettqu il-proposti konkreti li mistennija li joħorġu minn dan il-Kunsill.
Nemmen li għalkemm mhux faċli li naslu, b'rieda tajba ser jirnexxielna nwettqu dawk il-bidliet meħtieġa.
Iż-żmien tal-lum jitlob serjeta` minn kulħadd. Operaturi tas-servizzi, gruppi li jirċievu is-servizzi, unions u l-Awtorita' Marittima nfisha, ilkoll jafu li ma jistgħux jimxu 'l quddiem matul iż-żmien li ġej jekk jibqgħu jaħdmu kif ħadmu sal-lum.
Jekk jifhmu dan il-fatt b'mod serju, jistgħu, flimkien, iwasslu għall- bidliet meħtieġa.
Matul is-sena li qed nitkellmu dwarha, l-Awtorita` Marittima kompliet taħdem ukoll fil-qasam purament lokali. Il-proġett taċ-Cirkewwa/Mġarr Għawdex qabad ritmu tajjeb. Għalkemm bosta drabi kellna niffaċċjaw diffikultajiet kbar, nistgħu ngħidu li l-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett fiċ-Cirkewwa qed joqorbu lejn tmiemhom, filwaqt li tlestiet ukoll l-ewwel fażi tax-xogħol fl-Mġarr, Għawdex.
Matul ix-xhur li ġejjin hu mistenni li jinbeda ix-xogħol fuq it-terminal fl-Mġarr, Għawdex, waqt li f'Malta nistenna li s-Sajf li ġej ikun determinanti biex l-estensjoni tal-breakwater tiġi fis-seħħ.
B'dawn il-bidliet l-Awtorita' Marittima tkun tat sehem qawwi u dirett biex it-trasport bejn Malta u Għawdex jitjieb sostanzjalment.
Wara li l-Awtorita' tal-Ippjanar toħroġ il-permessi neċessarji, hu mistenni li matul is-sena d-dieħla jinbeda x-xogħol li għandu jwassal biex l-istess Awtorita' Marittima jkollha ċentru wieħed ta' uffiċini li minnu joperaw is-setturi marittimi ta' pajjiżna.
Jekk fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u f'dak marittimu mxejna 'l quddiem, hekk ukoll nistgħu ngħidu li għamilna fil-qasam tat-trasport. Wara li twaqqfet l-Awtorita' tat-Trasport ta' Malta, inbdew il-proċeduri biex dak li taħseb għalih il-liġi jibda jidħol fis-seħħ.
Is-sena li għaddiet saru tħejjijiet sabiex id-Dipartiment tat-Toroq, dak tal-Liċenżji u lit-Testjar, it-Traffic Control Board, u l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku jibdew joperaw flimkien. Din l-Awtorita' għandha tara li jkun hemm il-koordinazjoni meħtieġa biex it-trasport f'Malta ikun organizzat aħjar milli hu sa issa.
Mis-setturi li jaqgħu taħt din l-Awtorita' ġdida hemm uħud li għaddew minn bidliet radikali matul is-sena li għaddiet. Filwaqt li t-Traffic Control Board u id-Dipartiment tal-Liċenzji u l-Ittestjar baqgħu jaħdmu bl-istess mod li kienu qabel, id-Dipartiment tat-Toroq kompla għaddej bil-bidliet radikali li kien beda matul is-sena ta' qabel. L-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku jeħtiġilha bidliet radikali li mhux faċli jitwettqu, iżda ninsab determinat li dawk il-bidliet meħtieġa, fil-fatt jidħlu fis-seħħ. Jekk mhux ser jitwettqu il-bidliet, kultant radikali, li hemm bżonn, ser nibqgħu b'servizz ta' trasport pubbliku li ma jaqdix il-bżonnijiet ta' dawk li jużawh.
Iżda l-iktar settur li ser tkompli tieħu ħsiebu l-Awtorita' dwar it-Trasport ser ikun dak tat-toroq.
Matul is-sena li għaddiet twettqu numru ta' proġetti li kienu ilhom mistennija snin twal. Tlesta parti sostanzjali mix-xogħol meħtieġ fuq it-triq numru wieħed ; dik li miċ-Cirkewwa twassal sal-Freeport. Din it-triq li hija twila madwar 40 kilometru tranġat sostanzjalment. Inbidlu diversi partijiet minnha, inxtegħlu partijiet minnha, bdew jitwaħħlu tabelli ta' livelli nternazzjonali u saret rikostruzzjoni ta' parti sostanzjali mit-triq minn ħdejn l-ajruport sa Ħal-Far. Matul is-sena tlesta x-xogħol fuq l-ewwel parti ta' Triq Mdina , Ħal-Qormi, u tlesta ukoll ix-xogħol fuq id-daħla tal-Mosta.
Minbarra dan, inbeda ix-xogħol fuq Triq Psaila, B'Kara u fi Triq Mdina, Attard. Dan ix-xogħol mistenni li jitlesta matul l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Fl-istess ħin inbeda ukoll ix-xogħol fuq it-triq li minn Burmarrad twassal sal-Qlejja, dik li mis-Salina twassal sa' l-Iklin, u it-triq li twassal minn ħdejn il-pont tal-Mosta sa ħdejn it-Techno Park flimkien ma' Triq il-Ħtajriet fil-Mosta. Fl-istess żmien inbeda ukoll, ix-xogħol fuq Hompesch fil-Fgura. Dawn ix-xogħolijiet mistennija li jkunu lesti matul is-sena d-dieħla.
Minbarra dawn ix-xogħolijiet, hu mistenni li matul is-sena d-dieħla jinbeda ukoll ix-xogħol fuq it-triq li mill-Qlejja twassal sa Ħaż-Żebbuġ u Ħal-Qormi, kif ukoll li jitlesta' x-xogħol fuq il-By-pass ta' l-Mtarfa.
Bħalissa, id-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal ukoll ix-xogħol meħtieġ f'sitt junctions meqjusa perikolużi. Dawn huma id-daħla ta' Paceville, id-daħla tal-Balal, il-junction li tgħaqqad il-Bypass ta' Wied il-Għajn mat-triq ta' Ħaż-Żabbar, id-daħliet tas-Siggiewi/Żebbuġ ma' Triq Mdina, id-daħla ta' San Pawl il-Baħar mal-Bypass u dħul tal-Mellieħa.
Ma dan ix-xogħol wieħed irid iżid numru kbir ta' toroq lokali li bħalissa qed jinbnew madwar Malta. Mhux faċli twettaq dan ix-xogħol mingħajr ma jkollok intoppi. Iżda, bl-istess mod li x-xogħol hu meqjus bħala salmura tal-ġisem, jien inqis l-intoppi, ġejjin minn fejn ġejjin, bħala sfidi li jridu jintrebħu, jingħelbu u jintesew.
B'dan f'moħħi nemmen li x-xogħol li sar sa issa hu l-bażi ta' dak li jrid jitwettaq sas-sena d-dieħla. Nemmen ukoll li, llum , bosta minn dawk li jaħdmu fid-Dipartimenti, Awtoritatjiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, dan fehmuh.
Dawk li għadhom ma fehmux għandhom sena oħra quddiemhom. Sena li fiha ser ikollhom ċans jikbru u jwettqu d-doveri tagħhom b'mod tajjeb.
Il-Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni jinsab fil-mira tax-xewqat tan-nies. Qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli biex dawn il-ħtigijiet inwettquhom fl-interess ta' kulħadd