Wara tliet snin ta' ħidma, beda x-xogħol fuq 86% tal-Wegħdiet Elettorali. Ħafna minn dawn il-wegħdiet huma dwar proġetti u programmi li fuqhom irid isir xogħol kontinwu. 43% tal-wegħdiet twettqu totalment.
INSAĦĦU PAJJIŻNA FL-EKONOMIJA
Il-ġid kompla jitkattar u x-xogħol kompla jinħoloq. Il-fiduċja fil-pajjiż qed tkompli tikber.
Il-Prodott Gross Domestiku kiber minn Lm1.2 biljun fl-1996 għal kwazi Lm1.5 biljun fl-1999. Kompla jikber għal kważi Lm1.6 biljun is-sena l-oħra. Dan ifisser tkabbir nominali medju ta' ftit anqas minn 8% minn sena għal sena u kwazi 5% f'termini reali.
Il-produzzjoni industrijali żdiedet b'34%. Għall-periodu Jannar sa Lulju, bejn l-1998 u l-2001, l-importazzjoni kibret bi 13% u l-esportazzjoni żdiedet bi 27% waqt li t-turisti żdiedu bi kważi 4% u dawk li żaru Malta fuq cruise liners żdiedu bi 82%.
Il-qligħ mit-Turiżmu għall-perijodu Jannar sa Marzu bejn l-1998 u l-2001 żdied bi 11%.
In-numru ta' dawk jaħdmu bi qligħ żdied minn 136,635 (f'Marzu 2001) għal 141,630 (f'Marzu 2001).
Ir-rata tad-dizimpjieg bejn Lulju 2000 u Awissu 2001 naqset b'665, tnaqqis ta' ftit anqas minn 10%.
L-inflazzjoni niżlet minn 3% (f'Lulju 1998) għal 2% (f' Lulju 2001).
Azzjoni konkreta u ppjanata mill-Gvern wasslet biex l-iżbilanċ niżel minn Lm150 miljun, jew 11% tal-Prodott Gross Domestiku fl-1998, għal Lm94 miljun jew 6% tal-Prodott Gross Domestiku. Dan l-iżbilanċ kien imbassar illi jinżel għal Lm109 miljuni.
Il-livell ta' l-investiment fil-qasam tal-manifattura żdied b'130% mis-sena 1998.
Id-depożiti fil-banek komplew jogħlew. Komplew jiżdiedu wkoll in-numru ta' securities jew titoli kkwotati fil-Borża ta' Malta, waqt li żdiedu konsiderevolment in-numru ta' investment funds ikkwotati, li tela' b'130 oħra għal 296.
INSAĦĦU PAJJIŻNA FL-EDUKAZZJONI U SKEJJEL
Twaqqfet il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi bil-mira ewlenija tat-tisħiħ u t-tiswir ta' servizzi speċjalizzati għal studenti li qed jiltaqgħu ma' diffikultajiet fit-tagħlim tagħhom.
L-MCAST, li twaqqaf fl-2000, wettaq ħafna xogħol ta' preparazzjoni għal meta jibda joffri l-korsijiet f'Ottubru 2001. Sej ikun hemm sitt (6) Institutes.
Id-diskussjonijiet ma' dawk konċernati saru u ġiet stabbilita sistema ġdida ta' stipendji li tilħaq il-bżonnijiet ta' l-istudenti. Aktar minn 11,000 student qed jibbenefikaw minn din l-iskema li n-nefqa tagħha se tkun madwar Lm8 miljun.
Kummissjoni maħtura apposta għamlet evalwazzjoni u ressqet proposti għal riforma fit-tagħlim ta' l-Edukazzjoni Teknoloġika. Ittieħdet id-deċiżjoni u l-miżura biex l-Edukazzjoni Teknoloġika f'format ġdid bdiet tiġi introdotta għall-iskejjel sekondarji kollha.
Il-vot tat-taħriġ tal-għalliema tela' minn Lm75,000 fl-1999 għal Lm300,000 fis-sena 2000.
Inħatar il-Kunsill Malti dwar il-Kwalifiki Professjonali u Vokazzjonali biex jara li jiġu stabbiliti u jinżammu l-istandards tat-taħriġ vokazzjonali.
INSAĦĦU PAJJIŻNA FIL-QASAM TAS-SAĦĦA
Il-pjanijiet għar-riforma radikali ta' kif jingħataw is-servizzi mid-Diviżjoni tas-Saħħa ngħataw imbottatura kbira din is-sena bit-tħabbir ta' strateġija għall-awtonomija ta' l-isptarijiet. Beda t-twettiq ta' dan il-proċess. Fl-istess ħin id-Diviżjoni tas-Saħħa sejra tassumi rwol purament regolatorju.
Fl-isptarijiet għaddej il-proċess ta' modernizzar ta' diversi swali u l-implimentazzjoni ta' modi ġodda ta' tmexxija.
Kompla x-xiri ta' apparat mediku li qed jintuża fl-Isptar San Luqa imma li aktar tard se jinġarr għall-iSptar il-Ġdid.
Kompla miexi b'ritmu kif ippjanat il-bini ta' l-iSptar il-Ġdid biex jinfetaħ fl-2003. Ħarġet is-sejħa għat-tender għall-istallazzjoni mekkanika u elettrika.
Il-Gvern baqa' jżid il-vot tad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa.
Fl-Isptar Monte Carmeli nfetħet Sala 5 ta' l-irġiel filwaqt li għaddej xogħol estensiv ta' refurbishing fi swali oħra, fl-istores u fil-Canteen.
Tkompla x-xogħol ta' manutenzjoni fiċ-Ċentri tas-Saħħa u fil-Bereġ f'xi każi bi sħab mal-Kunsilli Lokali.
Iċ-Ċentri tas-Saħħa ta' B'Kara, Bormla u l-Mosta issa huma aċċessibbli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali.
INSAĦĦU PAJJIŻNA FIL-QASAM TAL-POLITIKA SOĊJALI
L-ETC nieda numru ta' programmi mmirati lejn setturi differenti ta' ħaddiema : Employment Training Placement Scheme, Basic Employment Passport, Job Experience Scheme.
Ġie ffinalizzat Abbozz ta' Ligi ġdida li tirregola r-relazzjoni tax-xogħol.
Ġiet approvata liġi li twaqqaf l-Awtorità ghas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol u twaqqfet l-Awtorità.
Twaqqfet il-Kummissjoni għall-Familja.
Ġiet ippubblikata White Paper dwar il-Qorti tal-Familja.
Inbidlet il-liġi biex l-għajnuna soċjali li tingħata lin-nisa xebbiet jew romol li jieħdu ħsieb full-time, weħidhom, qraba b'mard gravi, li joqogħdu fl-istess dar, ġiet issa estiża wkoll għall-irġiel ġuvintur jew romol.
Infetħu żewġ swali ġodda fir-Residenza San Vincenz - is-Serenity Wards.
Infetħu żewġ Day Centres f' San Pawl il-Baħar u Ħal-Luqa.
Inbeda Progett ta' Slum Clearance fl-Imsida li se jipprovdi madwar 140 units godda.
INSAĦĦU PAJJIŻNA F'OQSMA OĦRA
Ix-xogħol biex jissaħħaħ l-operat tal-Korp tal-Pulizija huwa kontinwu u għaldaqstant ġiet allokata s-somma ta' Lm500,000 fi Spiża Kapitali għal xogħlijiet.
Il-ġlieda kontra l-kriminalità u d-droga kompliet tkun fost l-ogħla prijoritajiet. Id-Drugs Intelligence Unit ġie assorbit fis-Servizz tas-Sigurtà biex b'hekk ikun hemm aktar saħħa fil-ġlieda kontra d-droga.
Il-kunċett ta' diċentralizzazzjoni kompla jiġi implimentat. Minn din is-sena l-Kunsilli Lokali se jieħdu ħsieb id-dwal tat-toroq fil-bliet u l-irħula u se jieħdu mingħand il-Pulizija l-ipproċessar tal-liċenżi. Ir-rabta bejn iċ-ċittadin u l-gvern lokali tiegħu kompliet tissaħħaħ.
Biex jissaħħu l-faċilitajiet sportivi, beda jinbena ċ-Ċentru Sportiv tal-Kottonera fis-17 ta' Mejju 2001. Issa x-xogħol qabad ritmu tajjeb u sa l-aħħar ta'Awissu 2001, diġà tlestew madwar 85% tal-pedamenti u partijiet mill-ewwel sular.
Biex jissaħħaħ is-servizz bejn Malta u Għawdex, daħal fis-servizz it-tieni vapur minn tlieta tal-Gozo Channel, waqt li għaddej b'ritmu mgħaġġel ix-xogħlijiet fuq is-Sea Passenger Terminal fiċ-Ċirkewwa, u ġie approvat il-proġett ta' bini ta' Terminal fil-Port ta' l-Imġarr.
9 Quality Service Charters ġodda ġew implimentati bejn Settembru 2000 u Awissu 2001 f'dipartimenti varji f'Malta u Għawdex. B'hekk in-numru ta' Quality Service Charters tela' għal 32. Kompla jissaħħaħ b'mod konkret il-kunċett ta' servizz u kwalità.
INSAĦĦU PAJJIŻNA BIL PROĠETTI
Il-proġett tal-Kottonera issa qabad ir-rankatura u hu mistenni li jitlesta sas-sena 2003. L-investiment f'dan il-proġett huwa ta' Lm16-il miljun.
Il-proposti tal-proġett tad-Daħla tal-Belt Valletta qed ikunu aġġudikati. Mistenni jibda fil-bidu tas-sena 2002 u jitlesta fi żmien ħames snin. Il-Proġett se ikun jiswa madwar Lm40 miljun.
L-abbozz tal-kuntratt għall-iżvilupp tal-Valletta Cruise Terminal ġie approvat mill-Parlament fl-Lulju li għadda. Il-proġett jinvolvi investiment minimu ta' madwar Lm10 miljun.
Ix-xogħol fuq il-proġett ta' Tignè miexi b'ritmu tajjeb. L-investiment totali f'dan il-proġett sej ikun ta' madwar Lm140 miljun.