IT-TIELET SENA TA’ ħIDMA TAL-GVERN: "INSAħħU
PAJJIżNA" –
MINISTERU TAS-SAħħA
Gvern Nazzjonalista dejjem emmen li pajjiżna jixraqlu u għandu jkollu l-aħjar. Dan il-għan ispira r-riformi radikali mill-qiegħ li qegħdin nwettqu fis-settur tas-saħħa. B'risq il-ħtiġijiet tal-pazjenti. Dan biex inkomplu ngħollu l-livell u l-effiċjenza tas-servizzi tas-saħħa, li ġa huma għoljin kif juru l-fatti u r-rapporti ta' l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Ristrutturar tad-Diviżjoni tas-Saħħa
Il-ħidma ewlenija tal-ministeru f'din is-sena kienet tittratta r-riforma l-kbira mnedija għaxar snin ilu. Ir-riforma trid twassal biex il-Ministeru jieħu rwol ta' tfassil ta' policies dwar is-saħħa, id-Diviżjoni tieħu rwol regolatorju filwaqt li r-rwol operazzjonali jitwettaq minn aġenziji awtonomi. Bi pjaċir nosserva li l-oppożizzjoni taqbel ma' l-awtonomija ta' l-isptarijiet għalkemm mhux li l-isptarijiet ikunu taħt umbrella waħda, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS). Dan għamilnih bil-għan li s-servizz mogħti mill-isptarijiet ikun wieħed integrat u hekk l-ebda aspett tas-saħħa ma jaqa' lura. B'hekk ikun hemm iktar flessibiltà fis-servizzi li pazjenti jkunu jeħtieġu minn sptarijiet differenti. Dan iservi ukoll biex is-servizzi komuni għall-isptarijiet kollha, bħal per eżempju xiri ta' mediċini, jgawdu mill-vantaġġi ta' xiri bil-kwantità. Vantaġġ ieħor importanti hu li l-isptarijiet iħossuhom u jkunu verament awtonomi mill-entità li tirregolahom, id-Diviżjoni tas-Saħħa.
F'dawn l-għaxar snin sar ħafna xogħol preparatorju li mingħajru l-firda bejn ir-rwol regolatorju u dak operazzjonali li qegħdin inwettqu ma setgħetx tara d-dawl. Konna għaddejjin minn rivoluzzjoni siekta li issa qed tilħaq il-qofol tagħha. L-istrateġija ta' twettiq li ħabbarna uffiċjalment fit-3 ta' Lulju mistennija li tiġi finalizzata fis-sena li ġejja. Waqqafna tim interministerjali ta' negozjaturi bil-għan li t-transizzjoni minn sistema għall-oħra ssir wara diskussjonijiet eżawrjenti u bi qbil ma' l-unions konċernati. Nemmnu li l-unions mhux biss għandhom id-dritt imma wkoll id-dmir li jaraw li jiksbu kundizzjonijiet xierqa għall-membri tagħhom. Min-naħa l-oħra għandhom ukoll id-dmir li jaraw li l-interessi tal-pazjent jiġu l-ewwel kif ukoll iċ-ċirkostanzi ta' pajjiżna.
Fil-qasam farmaċewtiku l-proċess qiegħed fi stadju avvanzat ħafna. Il-firda tal-funzjonijiet regolatorji minn dawk operattivi ġiet fis-seħħ f'Lulju. It-taqsima regolatorja qiegħda tibni l-istrutturi biex titwaqqaf l-Awtorità Regolatorja għall-Mediċini.
Fil-qasam tal-Kura Primarja, in-negozjati ma' grupp ta' tobba li jaħdmu f'dan id-dipartiment waslu fi stat avvanzat. Jekk jintlaħaq ftehim mhux biss inkunu solvejna l-problema ta' nuqqas ta' tobba li issa ilha tinħass għal diversi snin, iżda l-awtonomija tista' tieħu triq li hi għal qalbna wkoll, dik tal-koperattivi; esperiment li rnexxa totalment bit-twaqqif tal-KOLS, il-koperattiva tal-bjankerija. Naturalment bit-twaqqif ta' koperattiva tas-servizzi mediċi fid-Dipartiment tal-Kura Primarja jkunu meħtieġa negozjati sew mal-MAM kif ukoll ma' l-unions li jirrapreżentaw lill-ħaddiema l-oħra fid-Dipartiment tal-Kura Primarja.
Dan it-tibdil kollu qiegħed isir bil-klient fiċ-ċentru tal-ħsieb tagħna.
Leġislazzjoni
Ilu jinħass il-bżonn li l-liġijiet fil-qasam tas-saħħa jiġu aġġornati biex jirriflettu l-ħtiġijiet tal-lum u jirregolarizzaw tibdiliet li saru matul is-snin. Issa l-bżonn sar urġenti meta d-Diviżjoni se tiġi ristrutturata mill-qiegħ bid-dħul ta' l-awtonomija. F'din l-aħħar sena sar xogħol intensiv biex tiġi aġġornata l-leġislazzjoni kollha. Dan l-aħħar għadha kif għaddiet mill-Parlament il-liġi tas-Sigurtà ta' l-Ikel. L-abbozzi tal-liġijiet l-oħra qegħdin fi stadju avvanzat. Saru konsultazzjonijiet wiesgħa u intensivi ma' l-unions u l-assoċjazzjonijiet professjonali biex ġie abbozzat l-Att dwar Professjonijiet Relatati mas-Saħħa. L-abbozzi kollha mistennija li jkunu lesti sa l-aħħar tas-sena biex jiġu mressqa quddiem il-Parlament fl-2002.
L-Isptar il-Ġdid
Kif jista' jara kulħadd il-bini ta' l-isptar il-ġdid wasal fi stat avanzat ħafna. Issa wasalna biex nagħtu l-kuntratti għat-tagħmir elettriku u mekkaniku; sar ħafna xogħol preparatorju għall-għoti tal-kuntratt ta' l-apparat mediku li mistenni li jingħata fix-xhur li ġejjin. Saru konsultazzjonijiet biex tfasslet strateġija u l-għażla tas-sistemi ta' l-informatika. Kompliet il-konsultazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn l-istaff ta' l-FMS u dak ta' l-Isptar San Luqa fl-ippjanar dettaljat tas-swali u l-kmamar ta' l-isptar.
L-isptar il-ġdid ġa jsolvielna ħafna problemi ta' spazju li kien qed ifixkilna kull meta nintroduċu servizzi u apparat ġdid. Sejjer jelimina problemi ta' nuqqas ta' privatezza u kumdità, jipprovdi ambjent xieraq u l-faċilitajiet kollha li sal-lum wieħed jistenna li jsibhom fi sptarijiet privati. Iżda mingħajr bidla radikali fis-sistemi ta' tmexxija u fil-prattiċi tax-xogħol ħafna problemi ma jissolvewx. Għalhekk saru u qegħdin isiru riformi fit-tmexxija ta' l-isptarijiet eżistenti kif ukoll taħriġ tal-managers. Bdejna bl-Isptar Zammit Clapp li twaqqaf għaxar snin ilu biex ikun mudell ta' tmexxija awtonoma. Komplejna bl-isptarijiet l-oħra. Issa qegħdin isiru riformi fl-Isptar San Luqa. Hu essenzjali li dawn ir-riformi jkunu f'posthom sal-ftuħ ta' l-isptar f'Tal-Qroqq fl-2003. Biex jitħaffef il-proċess tar-riformi se jinħatar l-Uffiċċjal Eżekuttiv Ewlieni ta' l-Isptar San Luqa li wara jieħu postu fl-isptar il-ġdid.
Fix-xhur li ġejjin id-Diviżjoni b'konsultazzjoni mal-FMS u bil-pariri ta' esperti barranin se taħdem bis-sħiħ biex tfassal il-pjan ta' migrazzjoni tas-servizzi mill-Isptar San Luqa għall-isptar il-ġdid.
Modernizzar ta' l-Isptarijiet
Għalkemm qed ninvestu miljuni kbar fl-isptar f'Tal-Qroqq, ma nsejniex l-isptarijiet l-oħra. Il-proċess ta' modernizzar baqa' għaddej sew fl-Isptar San Luqa kif ukoll f'Monte Carmeli. Qatt daqs fl-aħħar sentejn ma sar xogħol ta' modernizzar fl-Isptar Monte Carmeli. Hawn irridu noħolqu ambjent pjaċevoli li jgħin fit-terapija tal-pazjenti.
Konna wegħidna li ridna neħilsu lill-ġirien ta' l-Isptar San Luqa mill-inkonvenjent taċ-ċumnija ta' l-isptar. Il-proċess twal iżjed milli ħsibna. Ridna li jkollna l-aħjar sistema moderna li tiddisponi mill-iskart kliniku mingħajr ħruq u li tkun trasportabbli lejn l-isptar il-ġdid. Għal dan il-għan ġibna espert Amerikan biex jgħin fit-tfassil u fl-għoti tat-tender. Sa l-aħħar tas-sena għandu jibda t-twettieq tal-proġett.
L-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa
Id-Diviżjoni tas-Saħħa baqgħet tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa li matul l-aħħar snin kompla jgħolli l-livell tal-korsijiet. Għalhekk fuq xewqa ukoll ta' l-MUMN spiċċaw il-korsijiet li jwasslu biss għal ċertifikat. Lanqas hu għaqli li nħajru lejn dan l-Istitut studenti li l-għan tagħhom ikun li jieħdu l-paga minima sakemm isibu impieg ieħor. Għalhekk minn din is-sena l-istudenti li se jibqgħu jingħataw stipendju daqs il-paga minima huma biss dawk tal-baċċelerat fl-istudji ta' l-infermerija u dawk l-infermiera li jispeċjalizzaw fis-saħħa mentali. Kull min għandu ftit għaqal jaqbel magħna li għandna ninvestu biex inkomplu ngħollu l-livell ta' l-infermiera. Dan ikun ta' ġid kemm għall-pazjent kif ukoll għall-istess professjoni. Bl-istess għan beħsiebna nibqgħu nħajru l-ENs biex isegwu l-kors ta' konverżjoni għall-SRNs.
Serjetà u Dixxiplina
In-nefqa fis-Saħħa baqgħet tiżdied minn sena għall-oħra. Minn Lm61 miljun fl-1998 telgħet għal Lm83 miljun din is-sena. Dan juri kemm il-Gvern hu impenjat li għas-saħħa jipprovdi l-finanzi li hemm bżonn. Iżda m'għandniex flus għall-ħela u għas-serq. Issa li qegħdin nibnu l-istruttura tat-taqsima tas-sigurtà bi dritt nistennew li tiġi eżerċitata iżjed dixxiplina. Għall-istess raġuni waqqafna spettorat biex niżguraw li l-ħaddiema kollha jaħdmu s-sigħat li jitħallsu għalihom.
Bi pjaċir ngħid li wara li nkixfu ħafna abbużi, dawn naqsu fl-aħħar xhur. Id-Diviżjoni minkejja l-oppożizzjoni ta' l-unions għadha bil-ħsieb li tintroduċi apparat elettroniku biex jitrażżan iktar l-iskartar u tinżamm il-puntwalità.
L-Unjoni Ewropea
L-applikazzjoni ta' Malta biex issir membru ta' l-Unjoni Ewropea serviet ta' katalist biex ir-riformi maħsuba snin ilu ngħataw spinta 'l quddiem. Kulħadd jaqbel li l-introduzzjoni ta' reġistru ta' speċjalisti, l-iżvilupp tat-tabib tal-familja bħala speċjalista u s-sistema ta' reġistrazzjoni li tiżgura l-ogħla kwalità ta' mediċini jiġu minn fejn jiġu se jkomplu jgħollu l-livell tas-saħħa f' pajjiżna.
Saru diskussjonijiet wiesgħa ma' l-unions u l-assoċjazzjonijiet konċernati biex tiġi preparata l-pożizzjoni ta' Malta fl-oqsma li jirrigwardaw is-saħħa. Bis-saħħa tan-negozjati fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta' prodotti farmaċewtiċi Malta kisbet perijodu ta' transizzjoni ta' erba' snin. Mhux biss ix-xogħol li sar kien meħtieġ biex ngħollu l-istandards b'risq il-konsumaturi, iżda l-uffiċċjali li ħadmu f'dan il-qasam kisbu esperjenza ta' prattiċi u metodi ta' xogħol li qegħdin jużawha meta jagħmlu x-xogħol normali tagħhom u hekk wassal biex insiru iktar effiċjenti.
Xtaqna li l-inizjattivi li ħadna kellhom l-appoġġ ta' l-oppożizzjoni għax fl-aħħar mill-aħħar fil-qasam tas-saħħa m'għadx hemm differenzi kbar bejnietna. Ma nkunux politiċi maturi jekk noqogħdu nfittxu x-xagħra fl-għaġina biex nuru kemm ma naqblux. Anzi dan hu atteġġjament li jagħmel ħsara għax jinkoraġġixxi lil dawk li jridu jibqgħu jgħixu fil-passat, lil dawk li jfittxu l-interess tagħhom għad-detriment tal-pazjent. Għadni nittama li fil-qasam tas-saħħa għad naslu għal politka u pożizzjoni komuni biex inkomplu ngħollu l-livelli tal-kura tas-saħħa.
Kienet sena ta' ħidma intensiva. Ħidma li twettqet minn kullħadd u li wasslitna pass ieħor lejn l-għan aħħari tagħna li nipprovdu servizz eċċellenti għall-ħtiġijiet ta' saħħet il-poplu Malti.
Grazzi mill-qalb lill-ħaddiema kollha fid-Diviżjoni tas-Saħħa