IT-TIELET SENA TA’ HIDMA TAL-GVERN: "INSAHHU PAJJIZNA" –
MINISTERU TA' L-AFFARIJIET BARRANIN
Ir-rapport jirrefletti x-xogħol kollu li l-Ministeru wettaq matul dawn l-aħħar tnax-il xahar mill-ewwel ta' Settembru tas-sena 2000 sa' l-aħħar ta' Awissu.
1) Ħidma fl-Ewropa
a) Progess tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea
• L-għan tagħna jibqa' li ninnegozjaw bis-sħiħ biex niksbu l-aħjar pakkett għal Malta għas-sħubija fl-UE. •
Minn disa' u għoxrin-il kapitlu sostantiv ta' l-acquis communautaire, ingħalqu sbatax. (Anness 1) •
Din is-sena rnexxielna ninnegozjaw erba' perijodi tranżizzjonali – ta' min isemmi partikolarment il-moviment ħieles tal-ħaddiema. (Anness 1) •
Saħħaħna l-impenn tagħna biex inkattru proċess konsultattiv – minbarra dsatax-il laqgħa tal-MEUSAC, organizzajna wkoll serje ta' sebgħa u għoxrin laqgħa informali ma' 'l fuq minn mitt assoċjazzjoni involuti fil-MEUSAC – dan apparti l-laqgħat tekniċi li jsiru s-soltu. •
Ippubblikajna l-istudji li ġew ikkummissjonati dwar l-impatt ta' sħubija – u issa ħadna pass ieħor
sabiex il-pubbliku jista' jifhem x'hemm f'dawn l-istudji permezz ta' laqgħat ta' informazzjoni
b) Ħidma Bilaterali
Ir-rabtiet mal-pajjiżi ta' l-Ewropa komplew jissaħħu fuq livell bilaterali u fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' Malta għas-sħubija fl-UE permezz ta' diversi laqgħat u kuntatti:
Mal-Membri ta' l-Unjoni Ewropea
Kelli diversi laqgħat kemm barra kif ukoll permezz ta' żjarat li saru f'Malta mal-Ministri jew sotto-Segretarji ta' l-Affarijiet Barranin ta':
Il-Prim Ministru għamel żjarat uffiċjali gewwa l-Ġermanja u Franza filwaqt li l-Prim Ministru Grieg għamel żjara f'Malta.
Il-President għamel żjara uffiċjali fl-Ingilterra, u żjarat statali fl-Estonja, Slovakkja, Slovenja u Bulgarija.
Pajji żi applikanti għall-Unjoni Ewropea
Ingħatat ukoll importanza lill-pajjizi kandidati oħra permezz ta' żjarat li saru f'Malta mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tal-Latvja u l-Ungerija. Kelli wkoll taħdidiet mal-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin ta' Ċipru u l-Litwanja f'żjarat li sar f'dawn il-pajjizi.
Il-Prim Ministri tas-Slovakkja u l-Estonja ghamlu żjarat f'Malta fejn kellhom taħdidiet mal-Prim Ministru Malti.
2) Ħidma fil-Mediterran
a) Parteċipazzjoni fl-Isfond Regjonali
Malta pparteċipat f'diversi laqgħat reġjonali li jittrattaw b'mod differenti dan ir-reġjun:
Konferenza Ewro-Mediterranja
F'Novembru 2000 attendejt għal-laqgħa Ministerjali li saret f'Marsilja, Franza.
Western Mediterranean Forum (5+5)
F'Jannar 2001 ta' din is-sena l-pajjiżi tal-Punent tal-Mediterran ltaqgħu f'Tuneż sabiex jippreparaw għal-laqgħa Ministerjali sabiex jerga' jitlaqqa' il-Western Mediterranean Forum. Malta ġiet inkarigata li tlaqqa' rappreżentanti ta' l-Universitajiet sabiex jiddiskutu l-kultura u ċivilizzazzjoni tar-reġjun.
Il-Forum Mediterranju
It-tmien laqgħa Ministerjali saret f'Tangiers f'Mejju 2001. Ġew introdotti numru ta' inizjattivi ġodda li għandhom jgħinu t-tkabbir ta' 'l hekk imsejjaħ 'Mediterranean Image'. Fost dawn Malta proponiet li jiġi ntrodott Mediterranean Award.
b) Ħidma Bilaterali
Spikkaw din is-sena r-relazzjonijiet tajbin bejn Malta, il-Libja u t-Tuneżija
Libja – saru diversi laqgħat Ministerjali bejn Malta u l-Libja – tkompliet il-ħidma biex insaħħu r-rabtiet tagħna mal-Libja li rrizultaw fid-deċizjoni li jinfetaħ uffiċċju tal-Bank of Valletta f'Tripli. Infetħet ukoll fergħa kummerċjali fl-Ambaxxata Maltija ġewwa Tripli
Tuneżija –Fl-aħħar ġimgħa ta' Ottubru 2000, għall-okkazjoni tal-ftuħ ta' uffiċċju rapprezentattiv tal-Bank of Valletta, żort it-Tuneżija u kelli laqgħa mal-Ministru Habib Ben Yahia. F'April 2001, il-Prim Ministru tat-Tuneżija żar Malta. Matul din iż-żjara, il-Prim Ministri ta' Malta u tat-Tuneżija ffirmaw Ftehim ta' Koperazzjoni dwar il-Protezzjoni Ċivili u Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Investigazzjonijiet Kriminali.
3) Ħidma f'Pajjiżi Oħrajn
Din is-sena spikkaw ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti u ċ-Ċina:
Stati Uniti – Ġie ffirmat Ftehim fuq it-Trasport bl-ajru bejn Malta u l-Istati Uniti. Dan il-ftehim mistenni li jiffaċilita l-provediment tas-servizzi bl-ajru bejn iż-żewġ pajjiżi filwaqt il-Kungress Amerikan approva l-għotja ta' tlettax-il miljun dollaru Amerikan lill-Gvern Malti għall-perijodu tas-sentejn li gejjin. Dawn il-fondi se jkunu qed jintużaw biex tingħata għajnuna lill-Forzi Armati ta' Malta, speċjalment biex ikomplu jissaħħu l-kapaċitajiet li għandha fl-oqsma ta' l-operazzjonijiet ta' tfittxija u salvatagg fuq il-baħar, kif ukoll biex jinxtara apparat sofistikat li jkun jista' jintuża biex jiġi evitat it-trasport ta' materjal illegali minn portijiet Maltin.
Ċina – Ir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina hadu spinta 'l quddiem biż-żjara uffiċjali tal-President ta' Malta akkumpanjat minni fiċ-Ċina f'Lulju 2001. Matul din iż-żjara uffiċjali ġew iffirmati wkoll tliet dokumenti. Avveniment ieħor importanti kienet iż-żjara tal-President Ċiniz, Jiang Zemin li zar Malta bejn it-23 u l-25 ta' Lulju 2001. Waqt din iż-żjara ġew ukoll iffirmati tliet ftehim f'oqsma differenti u ġiet ikkonsolidata d-deċiżjoni biex jinfetaħ Ċentru Kulturali Ċiniz f'Malta.
Ftehim Bilaterali
Ġew iffirmati erbgħa u tletin ftehim bilaterali ma' pajjizi differenti f'diversi oqsma fosthom fuq is-servizzi ta' l-arju, il-kooperazzjoni fit-turiżmu, fil-ġlieda kontra t-traffikar internazzjonali tad-droga, is-saħħa, kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana, kif ukoll fil-qasam tat-taxxa doppja. Dan jirrizulta f'żieda ta' iżjed mid-doppju tat-ftehim bilaterali li ġew ffirmati mis-sena li għaddiet. (Anness 2)
4) Ħidma Multilaterali
Malta kompliet bil-ħidma attiva tagħha f'organizzazzjonijiet internazzjonali:
Ġnus Magħquda
Saħħaħna l-parteċipazzjoni ta' Malta fid-diversi Kumitati u organi ta' din l-organizzazzjoni permezz ukoll ta' l-elezzjoni ta' Maltin f'karigi għolja:
Malta saret membru tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti
L-Imħallef Patrick Vella ġie elett biex iservi fil-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem
L-Imħallef Lino Agius ġie elett biex iservi fuq il-Qorti Internazzjonali dwar Atti Kriminali li seħħew qabel l-1991 ġewwa t-territorju li kien jifforma l-Jugoslavja (International Criminal Tribunal for the Former Yugoslavia)
Malta għadha sservi wkoll fuq l-Awtorità Internazzjonali ta' Qiegħ il-Baħar
Malta ġiet eletta biex isservi bhala Viċi-President tas-sessjoni kurrenti ta' l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Commonwealth
Wara li ġiet milqugħa l-proposta tal-Prim Ministru Malti fuq il-ħtieġa li tingħata iżjed importanza għall-iżviluppi fil-teknoloġija informatika mill-Commonwealth, saru diversi laqgħat minn grupp maħluq apposta biex jagħmel rakkomandazzjonijiet lil-laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth. Ingħatat ukoll assistenza f'diversi oqsma ta' konsulenza u boroz ta' studju mill-Commonwealth.
L-Organizzazzjoni tas-Sigurta` u Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE)
• Attendejt ghal laqgħa fi Vjenna fl-aħħar ta' Novembru 2000 fejn kelli laqgħat bilaterali mal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin ta' l-Italja, il-Portugall, il-Finlandja, il-Greċja, is-Slovenja, il-Litwanja u s-Slovakkja.
• Id-delegazzjoni Maltija kellha r-responsabbiltà li taqdi d-dmirijiet tal-Presidenza ta' 'Forum for Security Co-operation' matul ix-xahar ta' Jannar 2001.
• Malta kompliet bil-ħidma tagħha biex issaħħaħ id-dimensjoni Mediterranja f'din l-organizzazzjoni.
Il-Kunsill ta' l-Ewropa
Esperti Maltin ipparteċipaw f'iżjed minn sittin laqgħa ta' kumitati speċifiċi tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Dawn il-laqgħat jittrattaw fuq diversi oqsma bhalma huma fost oħrajn id-Drittijiet tal-Bniedem, is-saħħa u l-koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja. (Anness 4)
Ftehim Multilaterali
Ġew iffirmati għoxrin konvenzjoni – sebgħa minnhom għandhom x'jaqsmu ma' l-Ambjent, tnejn fuq l-koperazzjoni fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u kriminalità organizzata – tnejn fuq id-diżarm, tnejn fuq l-estradizzjoni, tnejn fuq il-korruzzjoni u koperazzjoni fil-qasam tal-kriminalità, waħda fuq il-kummerċ fil-qasam ta' l-avjazzjoni ċivili, tnejn fuq id-drittijiet tat-tfal, waħda fuq il-komunikazzjoni awdjo-viżiva, u waħda fuq "temporary admission". (Anness 3)
5) Ħidma fost il-Komunitajiet Maltin barra minn Malta
u Xogħol Konsulari
Wara li ġiet organizzata l-Konvenzjoni tal-Mexxejja ta' l-Assoċjazzjonijiet tal-Maltin ta' Barra u ta' Nisel Malti f'Malta f'Jannar tas-sena 2000, il-Ministeru ħa ħsieb li jibda jattiva parti mill-konklużjonijiet tal-Konvenzjoni.
Ingħatat importanża lill-komunitajiet Maltin gewwa l-Amerika meta l-Prim Ministru akkumpanjat minni żar il-komunitajiet fl-Amerika u l-Kanada.
Bdiet ħidma biex jinbena database tal-Maltin residenti barra minn Malta.
It-Taqsima tal-Protokoll kienet responsabbli mit-tħejjijiet ghal żjarat li ghamlu f'Malta diversi dinjitarji għolja barranin kif imsemmija hawn fuq.
Mil-lat konsulari, il-Ministeru jieħu ħsieb ukoll li jgħin, skond kif ikun meħtieg, lil dawk iċ-ċittadini Maltin li jiġu bżonn kull xorta ta' għajnuna waqt li jkunu msiefrin.
6) Ħidma Amminstrattiva
Il-Ministeru kompla jwettaq riformi ta' struttura u tkabbir biex jkun jista' jilqa' aħjar għall-isfidi tal-ġejjieni:
Sar reklutagg ta' għadd ta' second secretaries filwaqt li diġà beda l-process biex jerġa' jsir reklutagg ġdid.
Sar ukoll tisħiħ tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-MIC.
Infethet Ambaxxata ġdida f'The Hague u ġie nawgurat il-bini ġdid ta' l-Ambaxxati Maltin ġewwa Beijing u Berlin.
Ġie nawgurat website ġdid tal-Ministeru sabiex tingħata iżjed informazzjoni b'mod effiċjenti lill-pubbliku.
Total ta' seba' u erbgħin avviż ta' boroż ta' studju ġew ippubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Barra minn hekk, kien hemm ukoll wieħed u għoxrin applikazzjoni oħra minn studenti li kien diġà qed jistudjaw fl-Italja, il-Grecja u l-Indja, li talbu biex il-borza ta' studju tagħhom tiġġedded.