IT-TIELET SENA TA’ ħIDMA TAL-GVERN: "INSAħħU
PAJJIżNA" –
MINISTERU GħALL-AMBJENT
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li kienet għaddiet sena oħra ta' ħidma li matulha l-Ministeru għall-Ambjent kompla jwettaq Il-wegħdiet elettorali, fejn qed jissokta jagħmel rabta bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Huwa qal li kien jemmen li żvilupp serju ma jmurx kontra l-ambjent u li b'ippjanar serju għandna nkomplu niżviluppaw pajjiżna mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul is-sena li għaddiet bdew jitwettqu tnejn mill-akbar proġetti mwiegħda minn dan il-Gvern fil-programm tiegħu. Beda l-iżvilupp ta' Manoel Island u l-Ponta ta' Tigne u fuq il-proġett tal-Kottonera fejn diġa kellna l-ewwel riżultat konkret bil-ftuħ tal-Casinò di Venezia fejn qabel kien il-Palazz tal-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni ta' l-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann. Dan il-casinò, li waħdu sewa investiment ta' Lm4.6 miljun, qed jagħti impjieg lil 130 persuna. Beda wkoll xogħol ta' bini ta' appartamenti madwar il-Menqa filwaqt li qed isir xogħol ta' restawr u riabiltazzjoni ta' bini storiku ieħor fl-inħawi li għandu jwassal biex ix-xatt kollu tal-Birgu jingħata dehra ġdida. Wara li kienet approvata l-mozzjoni dwar it-trasferiment ta' l-art fil-bidu tas-sena d-dieħla mistenni jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-Cruise Passenger Terminal.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li fil-qasam ambjentali l-Ministeru għall-Ambjent wettaq ħidma vasta li tinkludi tisbiħ, riabilitazzjoni, restawr, tindif u azzjoni pozittiva favur li pajjiżna jkollu arja aktar nadifa, baħar aktar nadif u sistema moderna ta' immaniggjar ta' l-iskart. Ħadem biex l-ambjent naturali jitħalla aħjar milli sibnieħ.
Il-Ministeru għall-Ambjent matul din l-aħħar sena lesta t-tieni fażi tal-proġett ta' tisbiħ f'Tas-Sliema u beda l-ewwel fażi tal-proġett ta' San Ġiljan. Sar ukoll xogħol ta' tisbiħ f'Għar Lapsi. Hu qal li għaliex nemmnu li l-proġetti mhux biss għandna nwettquhom iżda wkoll inħarsuhom, twaqqaf Unit apposta biex jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-proġetti ta' tisbiħ li diġa saru. Dawn il-proġetti tkomplew f'Ottubru, meta beda jsir aktar xogħol ta' tisbiħ f'San Ġiljan, Paceville, Birżebbuġa, Marsascala u x-Xagħjra.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li matul is-sena li għaddiet il-Proġetti għar-Riabiltazzjoni tal-Belt Valletta, l-Kottonera u l-Imdina komplew bil-ħidma tagħhom ta' restawr u riabilitazzjoni ta' bini storiku. Il-ħidma li qed jagħmlu dawn il-Proġetti ta' Riabilitazzjoni hi waħda vasta u qed tagħti ħajja ġdida lil dawn il-ħamest ibliet fejn qed isir restawr ta' knejjes, palazzi, fortifikazzjonijiet u bini ieħor storiku flimkien ma' riabilitazzjoni ta' toroq u pjazez.
Il-Unit għar-Restawr qed iwettaq ħidma ma' Malta kollha. Dan il-Unit twaqqaf riċentement u s'issa identifika 95 proġett ta' restawr, li 20 minnhom tlestew, 30 oħra qed jitwettqu, flwaqt li 45 oħra jinsabu fi stadju ta' disinjar jew qed jitħejjew l-offerti għax-xogħol fuqhom. Fost il-proġetti ewlenin ta' restawr twettaq il-proġett tal-faċċata tal-Knisja ta' Santa Caterina d'Italia, u waslu fi stadju avanzat il-proġetti għar-restawr tal-Berġa ta' l-Italja u l-Baviera. F'dawn it-tliet proġetti waħedhom għamilna investiment ta' aktar minn miljun lira.
Il-Ministru ghall-Ambjent qal li matul is-sena li għaddiet twaqqfet is-Sezzjoni għall-Iżvilupp u l-Immaniġġjar ta' l-Ambjent, bil-għan li tiżviluppa l-ambjent għall-użu tal-pubbliku u biex tagħti każ il-manutenzjoni ta' dawn il-proġetti u ta' lokalitajiet oħra. Is-sezzjoni tiġbor fiha ħames units. Dawn il-units jieħdu ħsieb tal-Park Nazzjonali f'Ta'Qali u l-iżvilupp li qed isir fih u madwaru, il-ħidma fuq il-Park Regjonali u Kulturali tal-Kottonera, il-Park Reġjonali f'Wied Għomor, tisbiħ fil-kampanja u nħawi oħra anke permezz ta' bini u tiswija ta' ħitan tas-sejjieħ u tħawwil ta' siġar u żbir ta' dawk eżistenti. Il-sezzjoni qed twettaq ukoll xogħol ta' tisbiħ f'inħawi urbani fosthom xogħol li jsir b'għajnuna lil diversi kunsilli lokali. Il-Unit għall-Ambjent Nadif fi ħdan il-Ministeru kompla bil-ħidma tiegħu ta' tindif ta' widien, toroq fil-kampanja, tneħħija ta' mijiet ta' tunnellati ta' skart minn diversi nħawi ta' Malta, tindif u ħasil ta' postijiet pubbliċi u ġbir regolari ta' skart minn diversi lokalitajiet kif ukoll tindif, tiswija u manutenzjoni tas-sistemi ta' l-ilma tax-xita.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul l-aħħar sena tkompliet il-ħidma tagħna biex tissaħħaħ s-sistema tad-drenaġġ ħalli jkun evitat kull sbokk ta' drenaġġ sew fuq l-art kif ukoll fil-baħar. Tkompla jitwettaq il-Master Plan li għandu jwassal biex fi żmien ta' ftit snin oħra d-drenaġġ kollu jissaffa qabel ma jintefa' l-baħar.
Is-sena li għaddiet kienet sena importanti għall-ambjent. Minbarra l-miżuri li ttieħdu fil-budget favur l-ambjent taħt forma ta' tnaqqis fil-VAT fuq solar heaters u solar panels u ta' tnaqqis qawwi tat-taxxa ta' reġistrazzjoni fuq karrozzi u muturi li jaħdmu bil-batteriji, ittieħdu wkoll miżuri biex jitnaqqas it-tniġġiż fl-arja mill-Power Station billi kienu stallati electrostatic precipitators ma' l-akbar żewġ boilers li bejniethom huma responsabbli għal madwar 80 fil-mija ta' l-emissjonijiet. Qal li beda jkun impurtat petrol u diesel b'kontenut ferm aktar baxx ta' ċomb u kubrit.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li matul is-sena li għaddiet beda proċess ta' kejl tal-kwalita' l-arja permezz ta' stazzjon mobbli għall-monitoraġġ ta' l-arja li juża tagħmir awtomatiku u li perjodikament jitqiegħed f'31 lokalita' f'Malta u f'Għawdex. Kienu ippubblikati l-ewwel riżultati. F'dawn l-ġimġħat bdiet ħidma biex isir it-tieni rapport dwar l-istat ta' l-ambjent f'pajjiżna.
Il-Ministru fakkar li f'Lulju, l-Parlament għadda mill-istadju tal-Kumitat l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent, li qed jintroduċi diversi kunċetti ġodda fosthom il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli; il-Fond għall-Ambjent; id-dritt għall-informazzjoni u infurzar aktar iebes kontra min jikser ir-regolamenti u l-liċenzji maħruġa taħt l-istess regolamenti. Din il-ligi nqrat għat-tielet darba f'Settembru, u issa ġiet ippublikata flimkien ma' ħafna regolamenti li setgħu jsiru bis-saħħa tagħha.
Francis Zammit Dimech qal tul is-sena li għaddiet, Malta aċċediet għall-Konvenzjoni ta' Basel dwar il-movimenti minn post għall-ieħor ta' skart perikoluż u r-rimi tiegħu; inizjalat mal-Kummissjoni Ewropea s-sħubija fl-Agenzija Ewropea għall-Ambjent, u ffirmat il-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Persistent Organic Pollutants.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li l-aħħar 12-il xahar kienu wkoll xhur importanti fi triq li qbadna biex pajjiżna jkollu strateġija integrata dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart u biex mill-istrateġija ngħaddu wkoll għal proġett integrat għall-immaniġġjar ta' l-istess skart. F'Marzu għalqu proposti għal kuntratt għall-iżvilupp u l-operazzjoni ta' sistema integrata għall-immaniġġjar ta' l-iskart. Il-proposti gew aġġudikati. F'Lulju kien ippubblikat rapport għal strateġija dwar l-immaniġġjar ta' l-iskart li sar minn konsulenti mqabbda u mħallsa mill-Unjoni Ewropea biex igħinu lill-Gvern Malti. Is-socjeta' ċivili u l-pubbliku inġenerali ngħataw l-opportunita' li jagħmlu suġġerimenti u proposti ħalli pajjiżna jkollu l-aħjar strateġija dwar l-immaniġġjar ta' skart solidu. Tlestiet verżjoni finali li kienet approvata mill-Kabinett. Din l-istrateġija kienet ippubblikata fil-bidu ta' Ottubru u bdiet titwettaq. Sadattant il-Gvern beda diskussjonijiet ma' tliet konsorzji biex partijiet differenti mill-istrateġija jkunu jistgħu jiġu implimentati.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li s-sena li għaddiet twaqqfet l-Awtorita' tar-Risorsi bl-iskop li tirregola l-użu tar-risorsi f'pajjiżna. L-Awtorita' twaqqfet bħala Regolatur awtonomu u indipendenti mill-Korporazzjonijiet li jipprovdu r-risorsi ta' enerġija, ilma u minerali, inkluz il-ġebla Maltija.
Dr. Francis Zammit Dimech qal li s-sena li għaddiet kienet waħda importanti fil-mixja ta' pajjiżna lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea. Il-Ministeru għall-Ambjent ikkonkluda l-position paper dwar Kapitlu 22 li jinkorpora d-Direttivi u r-Regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Ambjent.
Din intbagħtet lill-Kummissjoni Ewropea wara li kienet diskussa u approvata f'laqgħa tal-MEUSAC. Hu l-ħsieb tal-Gvern Malti li Kapitlu 22 dwar l-Ambjent jingħalaq is-sena d-dieħla.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li r-rapport li kien qed jippreżenta jidħol fid-dettal dwar il-ħidma li twettqet mid-diversi dipartimenti u units fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet u d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent. Qal li din kienet ħidma assidwa li turi li l-Gvern preżenti jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex inħarsu u nsebbħu l-ambjent. Hu qal li l-ambjent hu l-arja li nieħdu, il-baħar madwarna, l-ilma li nixorbu u l-ikel li nieklu. Hu l-kampanja bl-għoljiet u l-widien ta' ġo fiha. Francis Zammit Dimech qal l-ambjent hu taghna lkoll. Għalhekk trid tkun il-ħidma tal-Gvern, għaqdiet volontarji, korpi kostitwiti u l-pubbliku li flimkien jaħdmu biex dak li hu tagħna lkoll inħarsuh. Il-Ministru għall-Ambjent qal li nemmnu fl-iżvilupp sostenibbli għaliex hu biss permezz ta' dan it-tip ta' żvilupp li dak li sibna
f'pajjiżna nħalluh aħjar lil dawk li għad iridu jiġu warajna