Impenn Serju Biex Għawdex u l-Għawdxin Jimxu 'l
Quddiem
"Il-progress li sar f’Għawdex tejjeb bis-sħiħ il-kwalita’
tal-ħajja ta’ l-Għawdxin li jgħixu f’Għawdex. Dan għaliex il-ħidma
ta’ dan il-Gvern biex jissaħħaħ pajjiżna tat prijorita’
partikolari lil Għawdex, li reġa’ għandu Ministeru apposta.” Dan
intqal mill-Vici Prim Ministru Lawrence Gonzi, waqt ħarsa lejn il-ħidma
li wettaq il-Gvern, f’Għawdex. “Saret ħidma kbira fl-oqsma kollha
li jolqtu direttament lill-kwalita’ tal-ħajja ta’ l-Għawdxin –
l-edukazzjoni, is-saħħa, ix-xogħol, it-turiżmu, il-kultura
u l-isport, kif ukoll il-komunikazzjoni bejn il-gżejjer’. Il-konferenza
ta’ l-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministru għal Għawdex,
Giovanna Debono.
Ministeru biex iservi lil Għawdex u lill-Għawdxin Ir-realta’ ġeografika ta’ Għawdex tfisser li l-Għawdxin
jixirqilhom attenzjoni partikolari. Biex din l-attenzjoni tingħata,
il-Gvern waqqaf mill-ġdid il-Ministeru għal Għawdex biex jamministra,
jikkordina, joħloq u jwettaq l-inizjattivi meħtieġa. Bis-saħħa ta’
dan, seħħ titjib reali u tanġibbli li sar b’għaqal u ħsieb. L-impenn
biex Għawdex ukoll jibbenefika minn kwalita’ ta’ ħajja aħjar kien
mifrux fuq numru kbir ta’oqsma.
Qasam tas-Saħħa F’dan il-qasam, il-Ministeru għal Għawdex jagħmel investiment
kapitali ta’ madwar Lm110,000 fis-sena. Din hija nefqa ta’ aktar
minn 35% aktar milli l-Gvern Laburista nefaq f’Għawdex fl-1997
f’dan is-settur.
Il-Ministeru ghal Ghawdex żied għadd ta’ servizzi u faċilitajiet
li llum qiegħdin jingħataw mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Servizzi ġodda jinkludu dawk tat-testijiet tas-smiegħ, acupuncture,
testijiet tad-demm, konsulti newroloġiċi, ortodontiċi, oftalmiċi, u
dawk offruti min-nutrition clinic. Faċilitajiet ġodda jinkludu r-Renal
Unit, l-Isolation Unit u s-Central Sterile Supplies Department. B’hekk
ittaffew t-tbatija u l-inkonvenjent għall-pazjenti Għawdxin peress li
issa jistgħu jinqdew f’iktar servizzi tas-saħħa f’Għawdex stess.
Biex dan l-isptar jilqa’ aħjar lil kull min jiġi bżonnu, tkompla
xogħol infrastrutturali estensiv kif ukoll tisbiħ u modernizzar tad-Dipartiment
ta’ l-Emerġenza. Is-Swali Anzjani Nisa ingħataw attenzjoni
partikolari u ġew ristrutturati sabiex meta jerġgħu jibdew jintużaw
joffru akkomodazzjoni lil21 pazjenta aktar, fi kmamar attrezzati apposta
għal nisa ta’ ċerta’ eta’ u fuq kollox ambjent arjuż u li jilqgħek.
Ġie modernizzat ukoll wieħed mill-operating theatres. Sar ukoll xogħol
estensiv ta’ titjib fi Swali ta’ l-Irġiel u tan-Nisa fejn fost l-oħrajn
ġew installati sistemi ġodda ta’ l-arja kundizzjonata.
L-Edukazzjoni, il-Kultura u l-Isport It-tfal u l-istudenti Għawdxin jixirqilhom l-aħjar ambjent
possibbli biex jitgħallmu fih. Għalhekk intefqu Lm800,000 minn
Settembru 1998 s’issa biex, kull fejn kien hemm bżonn fl-iskejjel,
saret manutenzjoni, tisbiħ u modernizzar. Inbnew u ġew attrezzati seba’
laboratorji għat-tagħlim tax-Xjenzi u tal-Computers fl-iskola post-sekondarja
ta’ Għawdex.
Sabiex studenti Għawdxin ikollhom preparazzjoni aħjar għad-dinja
tax-xogħol f’Għawdex stess, infetaħ l-ewwel ċentru ta’ l-MCAST
f’Għawdex li qed joffri 8 korsijiet, 4 minn liema qed jiġu offruti
f’Għawdex għall-ewwel darba. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi
(ITS) introduċa wkoll kors full time u oħrajn part time sabiex isaħħaħ
l-industrija tat-turiżmu f’Għawdex.
Għal dawk l-Għawdxin li jixtiequ jtejbu aktar il-livell ta’ l-edukazzjoni
tagħhom, iċ-Ċentru ta’ l-Universita’ f’Għawdex kabbar u żied
l-attivitajiet tiegħu. Illum, dan joffri
numru ta’ korsijiet li jwasslu għal ċertifikat, diploma, baċellerat,
u saħansitra għal Masters. Dawn il-korsijiet qed ikollhom attendenza
tajba ħafna speċjalment għaliex jippermettu lill-Għawdxin li diġa’
jaħdmu jew jgħixu f’Għawdex biex isegwu korsijiet mingħajr l-iskariġġ
u t-telf ta’ siegħat twal biex jagħmlu dan f’Tal-Qroqq. Fl-ewwel
sena li beda joffri l-korsijiet, kienu jattendu madwar 40 student. Illum,
10 snin wara, dawn żdiedu għal madwar 250 student.
Il-Gvern kompla jieħu ħsieb li il-kultura u l-istorja ta’ Għawdex
ikunu mogħtija l-attenzjoni li jixirqilhom. Fiċ-Ċittadella tkomplew
ix-xogħlijiet ta’ restawr filwaqt li kienet imtejba s-sigurta’
fil-mużewijiet kollha tal-Gvern f’Għawdex. B’kollaborazzjoni ma l-assoċjazzjoni
Wirt Għawdex qiegħed isir ir-restawr tat-Torri ta’ Mġarr ix-Xini.
Saru wkoll diversi festivals fosthom il-Festival ta’ Kulturi ta’ Gżejjer
Ewropej.
Fil-qasam ta’ l-isport saru xogħlijiet ta’ bini ta’ żewġ
club houses fix-Xewkija u f’Kerċem u ta’ modernizzar u manutenzjoni
fuq għadd ta’ faċilitajiet madwar Għawdex, fosthom fil-Kumpless
Sportiv.
Infrastruttura Il-Gvern kompla b’impenn serju u investa Lm750,000 fil-bini ta’
numru ta’ toroq arterjali u 47 triq oħra
madwar Għawdex kollu. Il-Ministeru għal Għawdex bena wkoll madwar
11,000m2 ta’ passaġġi fir-raba’ u madwar 2.5km ta’ ħitan
tas-sejjieħ. Saru wkoll diversi water culverts sabiex jissolvew diversi
problemi ta’ għarar speċjalment fi Triq Fortunato Mizzi, Victoria
fejn sar investiment ta’ Lm90,000 sabiex issolviet din il-problema
b’mod permanenti. Aktar minn Lm1 miljun intefqu fuq it-tkomplija tal-Master
Plan tad-Drenaġġ b’xogħlijiet diversi madwar Għawdex kollu.
Il-Gvern ħa ħsieb li, f’kull qasam, familji Għawdxin ikollhom
livell għoli ta’ servizzi. Għalhekk sar tisħiħ permezz ta’
submarine cable ġdid li jipprovdi provvista ta’ l-elettriku iktar
stabbli u b’saħħitha, kif ukoll fil-qasam tat-telekomunikazzjoni
permezz tat-tqegħid ta’ fibre optic cable ġdid li jilqa’ għaz-żieda
fid-domanda fil-qasam ta’ l-informatika fil-preżent u fil-futur.
Sabiex itejjeb it-trasport bil-baħar bejn iż-żewġ gżejjer,
il-Gvern ħa diversi miżuri, fosthom it-tnaqqis fin-nollijiet għall-Għawdxin.
Il-Gvern għamel ukoll investiment ta’ Lm33 miljun sabiex il-Gozo
Channel Company Ltd. issa għandha flotta ta’ 3 vapuri ġodda li huma
wkoll akbar. Dan ifisser inqas stennija fi kjuwijiet u vjaġġ
f’ambjent isbaħ u iktar modern, aktar sigurta’ u kumdita’.
Ix-xogħlijiet fil-port taċ-Ċirkewwa, li mal-mollijiet tiegħu issa
jistgħu jittrakkaw il-vapuri kważi f’kull kundizzjoni
ta’ temp, ifisser li l-vjaġġ bejn Malta u Għawdex ser ikun wieħed
kontinwu. Ix-xogħol fil-port ta’ l-Imġarr ser itejjeb il-faċilitajiet
offruti għall-passiġġieri f’Għawdex.
Ambjent, Kampanja, Agrikoltura u Sajd Biex kulħadd igawdi minn ambjent aħjar u iżjed nadif, ittieħdet
azzjoni biex għadd ta’ scrapyards illegali jitnaddfu. Sar xogħol fuq
mogħdijiet fil-kampanja u tħawlu siġar u pjanti madwar il-gżira.
Tnieda l-prodott turistiku ‘Island of Gozo Country Walks Project’
fejn ġew individwalizzati rotot għal mixjiet fil-kampanja – prodott
li issa ser jiġi promoss f’fieri turistiċi internazzjonali.
Sar xogħol infrastrutturali fil-Biċċerija, fil-Pitkalija u f’għadd
ta’ toroq li jwasslu għall-irziezet. Inbnew slipways u winches madwar
il-gżira. F’dawn l-aħħar 4 snin, ingħatat
għajnuna finanzjarja diretta ta’ iktar minn Lm91,000 lill-bdiewa u s-sajjieda
Għawdxin.
Qasam Soċjali Minbarra s-servizzi soċjali li jingħataw b’mod regolari, infetaħ
day centre għall-anzjani Għawdxin. Dan id-day centre huwa proġett bi
sħab bejn il-Gvern, il-Kurja Veskovili u tnax-il Kunsill Lokali. Infetaħ
ukoll l-ewwel ċentru għal organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGO
Centre), biex ikun ta’ ghajnuna għall-għaqdiet volontarji Għawdxin
fil-ħidma tagħhom. Ingħataw madwar Lm50,000 f’inċentivi lil NGOs Għawdxin.
Xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin Inħolqu opportunitajiet ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex
stess. Il-ħidma amministrattiva tal-Gvern tal-ufficcju tas-salarji fid-Dipartiment
ta’ l-Edukazzjoni u dak relatat mad-Dipartiment tas-Sigurta’ Socjali
illum isir kollu f’Għawdex. S’issa inġiebu jaħdmu Għawdex total
ta’ 39 ħaddiema Ghawdxin. Bħalissa qiegħda issir ħidma intensiva
sabiex jiġi trasferit ix-xogħol tal-Uffiċċju tas-Salarji
tal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura u tar-Reġistru Pubbliku.
Jingħataw għadd ta’ inċentivi lill-industrija taħt il-Business
Promotion Act sabiex jiġu koperti l-ispejjeż addizzjonali li tiffaċċja
l-industrija Għawdxija. Matul dawn l-aħħar 4 snin, ingħataw madwar
Lm272,000.