Bħala Ewropej Ser Inkomplu Nsaħħu
Pajjiżna…U Ngħixu Aħjar
"F’dawn l-aħħar erba’
snin, b’riżultat ta’ l-inizjattivi kollha li ħa l-Gvern, sar
titjib fl-oqsma importanti kollha li jolqtu lill-poplu ta’ Malta:
fis-saħħa, ix-xogħol, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, toroq u
komunkazzjoni, u l-ambjent. Erba’ snin ilu fassalna programm
elettorali dettaljat, li permezz tat-twettiq tiegħu, Malta kienet se
tkun lesta biex taffaċċja s-seklu l-ġdid. Il-programm elettorali kien
mibni fuq proġetti u programmi kbar li fuqhom irid isir xogħol
kontinwu u mhux tittieħed deċiżjoni ta’ darba biss. Il fuq minn
80% tal-wegħdiet li għamilna erba snin
ilu, illum qed jitwettqu. Dan jista’ jarah kulħadd.
Jekk hemm ħaġa waħda li tassew tgħaqqad il-Maltin kollha hija x-xewqa
li nibqgħu intejbu l-kwalità ta’ ħajja, kemm tagħna kif wkoll ta’
ġenerazzjonijet futuri. Bl-isħubija fl-Unjoni Ewropea se nsaħħu dak
li ksibna, biex b’hekk inkomplu verament ntejbu l-kwalità tal-ħajja
tagħna. Għalhekk fin-negozjati tagħna, ħdimna b’impenn biex
inlestu t-triq għas-sħubija billi niksbu l-aħjar kundizzjonijiet
possibbli." Dan ħabbru l-Prim Ministru, Eddie Fenech Adami, waqt
konferenza stampa li kkonkludiet il-ħarsa lejn il-ħidma tal-Gvern f’dawn
l-aħħar erba’ snin. Il-Konferenza Stampa kienet ukoll indirizzata
mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Joe Borg.
‘Wieħed mill-pedamenti tal-Programm Elettorali
tal-Gvern kien li nimxu lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea. Kulħadd jaf
bl-impenn kbir li sar fin-negozjati tagħna, li matulhom ġew imħarsa
l-interessi tagħna u ta’ wliedna. Importanti li nifhmu li l-qofol ta’
dak kollu li għamilna, m’humiex in-negozjati jew saħansitra l-Unjoni
Ewropea, imma huwa dak li se jippermetti lil kull wieħed u waħda minna
nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.’
In-negozjati kienu iebsin, imma d-determinazzjoni li
jinġiebu l-aħjar kundizzjonijiet għal Malta u l-Maltin wasslet sabiex
jinkisbu għadd ta’ suċċessi, anke dwar suġġetti fejn kien hemm
ħafna li ppruvaw ibeżżgħu u jgħidu li dan ma kienx se jkun
possibbli. Fost dawn kien hemm in-negozjati dwar iċ-ċaqliq ħieles
tal-kapital u tal-persuni, in-negozjati dwar is-sajd, l-ambjent, l-għajnuna
mill-istat, l-għarfien tal-Malti bħala lingwa uffiċjali ta’ l-Unjoni
Ewropea, u Għawdex bħala reġjun. Kien hemm ukoll konsultazzjoni
sistematika ma’ dawk li kienu l-aktar involuti tul il-process kollu
tan-negozjati, u dan kien fattur li wassal għal bosta mill-kisbiet li
saru.
Impjiegi u pagi aħjar għal uliedna
Bhala ċittadini ta’ l-U.E, ikollna l-garanziji ta’
ġid u sigurtà li għandna bżonn sabiex ngħixu ħajja aħjar.
Sħubija fl-UE tagħmel minn Malta pajjiż aħjar għall-Maltin stess.
Li nibqgħu barra jfisser biss sogru u inċertezza. Sħubija fl-UE
tfisser serħan tal-moħħ, paċi u livell aħjar t’għixien
għall-familji Maltin. Mingħajr sħubija fl-UE, it-tfal tagħna
jħabbtu wiċċhom ma’ futur inċert. B’Malta fl-UE nafu sew fejn se
nkunu: b’livell t’għixien iktar għoli, u iktar opportunitajiet ta’
xogħol f’Malta għall-Maltin.
Aċċess bla xkiel għas-swieq kbar ta’ l UE:
iktar investiment, iktar xogħol
Malta tbiegħ il-prodotti u s-servizzi tagħha
fis-swieq barranin li l-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu fl-UE. Il-maġġoranza
kbira ta’ turisti li jżuruna huma ukoll mill-UE. Sabiex pajjiżna
jista’ jimxi ’l quddiem, irridu niżguraw li l-bieb għal dawn is-swieq
jibqa’ miftuħ u bla ebda xkiel. Sħubija fl-UE tiżgura dan l-aċċess.
Ngħixu fil-paċi u s-sigurtà. Vuċi fid-deċiżjonijiet
li jolqtuna
Jagħmel ħafna iktar sens li aħna nkunu mal-mejda
tad-deċiżjonijiet fl-UE. Hija din is-saħħa li tagħtina sħubija fl-UE
li se tgħinna tassew sabiex insawru d-destin ta’ pajjiżna. Barra
mill-UE, il-pożizzjoni tagħna tkun waħda dgħajfa u ma jkollna l-ebda
vuċi fid-deċiżjonijiet li jolqtuna direttament.
L-aqwa standards u l-aqwa prodotti, bl-aħjar
prezzijiet
Il-livell għoli ta’ ħajja li jgawdu Ewropej
oħrajn m’hijiex kwistjoni ta’ xorti, iżda jiġi minn snin twal ta’
sħubija ta’ pajjiżhom fl-UE. Il-Maltin ukoll jistgħu jgħollu l-livell
ta’ għixien għal dak li jgawdu sħabna l-Ewropej fl-UE. Sħubija fl-UE
tagħtina għażla usa’ u kwalità ogħla ta’ prodotti bi prezzijiet
irħas minn tal-lum. Il-Malti ma jistħoqqlu xejn inqas.
‘Iż-żmien li nikkuntentaw irwieħna bit-tilqit u n-nofs xogħol
spiċċa għal dejjem – aħna tajbin u kapaċi daqs kulħadd, u
għalhekk ħaqqna l-aħjar. Il-poplu Malti dalwaqt se jkollu jagħmel
għażla. Se tkun għażla kbira u importanti, għażla li ma jkunx hemm
opportunità oħra li nagħmluha. Sħubija fil-UE - jew nibqgħu barra
mill Ewropa. Jew nimxu ’l quddiem - jew nimxu lura. Għalhekk, m’għandix
dubju li l-Maltin se jużaw moħħhom u jiddeċiedu b’mod għaqli,”
ikkonkluda l-Prim Ministru. “B’hekk, bħala Ewropej se nkomplu
nsaħħu pajjiżna…u ngħixu aħjar".