Laqgħa
tal-
Prim Ministru Lawrence Gonzi
mal-Media
Berġa ta’ Kastilja
Is-Sibt 3 ta’ Frar, 2007
Prim Ministru
Bonġu għal
kulħadd, grazzi talli ġejtu. Se nippruvaw sal-ħdax jekk jista’ jkun
nispiċċaw għax għandi xi impenji oħrajn, irrid nipprova nlaħħaqhom. Se
nagħmel introduzzjoni jiena, se niffoka partikolarment fuq l-aspetti
ekonomiċi mbagħad niftaħ l-opportunita’ għall-mistoqsijiet tagħkom.
Qed ngħid
hekk, se nipprova nagħmel enfasi fuq l-aspett ekonomiku għaliex issa,
naturalment fil-bidu tas-sena, Jannar għadda, il-figuri u ċifri
għas-sena 2006 ġew ikkonsolidati, effettivament qed jirriżulta
kkonfermat dak li pproġettajna aħna fil-proċess tal-budget.
Infakkar li l-budget dis-sena għamilnih kmieni iktar mis-soltu u
dak li pproġettajna effettivament irriżulta fi tkabbir ekonomiku kważi
jlaħħaq xi tlieta fil-mija li huwa tkabbir sostanzjali pożittiv ħafna
għal pajjiżna. Hija l-mira tagħna li nkomplu nsaħħu dak it-tkabbir
ekonomiku għas-sena li qegħdin kurrenti fiha.
Id-deficit
se jkun spiċċa fil-livell ta’ 2.8 fil-mija, taħt it-tlieta fil-mija
tal-prodott gross domestiku. Il-mira tagħna effettivament ilħaqniha u
nfakkar ukoll li dak ifisser li għal din is-sena aħna l-mira, allavolja
ħabbarna miżuri għas-sena 2007 li se jfissru illi l-Gvern se jħalli qrib
l-20 miljun lira fil-bwiet tan-nies, għaliex bil-miżura tat-taxxa, b’mod
partikulari ta’ l-income tax, il-Gvern allura, id-dħul tiegħu
f’dan is-sens se jkun effettwat b’dawk il-miżuri. Però xorta waħda,
il-mira tagħna hija s-sena 2007, li qegħdin fiha, aħna nagħlquha b’deficit
li jkun livell ta’ 2.5 fil-mija.
Ilħaqna
mira oħra għal dak li għandu x’jaqsam mad-dejn nazzjonali. Id-dejn
nazzjonali fis-sena 2005 kien 72.5 fil-mija tal-prodott gross domestiku
– 72.5%. Għas-sena 2006 niżżilnieh għal 66.8 fil-mija. Wieħed
mill-kriterji ta’ Maastricht, infatti huwa illi d-dejn nazzjonali għandu
jaqbad ritmu ta’ nżul, jiġifieri jinżel, jitnaqqas sakemm imbagħad
jinżel fil-livelli stabbiliti mill-kriterji ta’ Maastricht.
Effettivament però d-dejn nieżel, id-dejn nazzjonali relatat mal-prodott
gross domestiku. Naturalment dan ifisser ukoll illi l-ekonomija tagħna
qiegħda tikber, iktar kemm tikber l-ekonomija iktar il-proporzjon jew
ir-ratio bejn il-prodott gross domestiku u d-dejn nazzjonali
iktar jinżel.
Ilħaqna
wkoll mira oħra, mira mhux biss ta’ tkabbir ekonomiku imma anke ta’
kontroll ta’ l-ispiża tal-Gvern. Aħna impenjajna ruħna biex ikollna
pożizzjoni fiskali li tkun b’saħħitha, dik tfisser ukoll illi waħda
mill-miri tagħna kienet illi fir-rikorrenti, il-Gvern jasal f’bilanċ
ħafna iżjed pożittiv f’dak li għandu x’jaqsam mad-dħul u ħruġ, fil-qasam
rikorrenti. Jiġifieri oħroġ barra l-ispiża kapitali fuq ir-rikorrenti
aħna rridu nimmiraw li nkomplu nsaħħu l-ispiża rikkorenti tagħna. Dak
ifisser illi rridu dħul rikorrenti u nnaqsu l-ispiża. Nikkontrollaw
l-ispiża rikorrenti, dak ma tantx għandek spazju fejn tilgħab fih,
għaliex biċċa kbira mill-ispiża rikorrenti huma pagi u pensjonijiet u
aħna rridu ntejbu l-pagi, u fil-fatt tejjibna l-pagi u rridu ntejbu
l-pensjonijiet.
Tejjibna
l-pagi għaliex fil-ftehim kollettiv illi konna ffirmajna din is-sena
partikulari minn Jannar, is-settur pubbliku rreġistra żidiet fil-pagi li
huma sostanzjali. Anke però f’dan kollu l-kontroll fl-ispiża tal-Gvern
żammejnieha u waħda mill-miri importanti li rnexxielna nilħqu kienet
illi mill-2004 sa l-2006 it-total ta’ l-impiegi mas-settur pubbliku
naqas bi 3,500 ruħ. Proċess ta’ kontroll qawwi fuq dak li jiġri meta
numru ta’ nies joħorġu bil-pensjoni, aħna qgħadna attenti biex
nissostitwixxu l-vojt biss fejn dehrilna li kien neċessarju. U allura
f’temp ta’ sentejn is-settur pubbliku naqqas l-impiegi totali tiegħu bi
3,500 ruħ.
Kontra
dan, naturalment pożittiv immens huwa li jekk wieħed iħares lejn
is-settur privat tara ż-żieda netta ta’ 5,195 impieg fis-settur privat.
U allura dak ifisser illi dak li s-settur pubbliku naqqas biex
jikkontrolla l-ispiża finanzjarja tiegħu effettivament ittieħed b’mod
pożittiv ħafna
mis-settur
privat li żied sostanzjali, fil-fatt effettivament fis-sena 2006 inħolqu
‘l fuq minn 6,000 post tax-xogħol ġdid. Li tajjeb ukoll li wieħed
jinnota, li t-total ta’ nies jaħdmu bi qligħ minn 137,000 u ftit ieħor
fl-2004, fl-2006 issa qbiżna l-139,000, dawn il-gainfully occupied
f’pajjiżna.
Target
ieħor
importanti li rnexxielna nilħqu, u ġie kkonfermat issa f’xi ċifri li
ħarġu updated sa Settembru, jekk mhux sejjer żball, huwa t-total
li l-investiment barrani li rnexxielna niġbdu lejn pajjiżna. Is-sena
2006 se tkun tirriżulta sena record għal dak li għandu x’jaqsam
ma’ l-investiment barrani u se nkunu qbiżna l-ħames mitt miljun lira
investiment barrani lejn pajjiżna mqabbel ma’ l-1998 meta f’sena waħda
ġie nvestiment lejn pajjiżna ta’ dsatax ‘il miljun, dan ir-record
ta’ investiment barrani lejn pajjiżna huwa pożittiv immens,
inkoraġġanti. Jiena fiduċjuż, il-Gvern fiduċjuż, illi s-sena 2007 se
tkun sena fejn din il-mira nibqgħu nżommuha u jekk jista’ jkun anki
ntejbuha.
Dawn
ir-riżultati ekonomiċi huma importanti għaliex b’hekk jissarrfu mbagħad
f’miżuri li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Aħna niftaħru u
nkunu sodisfatti bil-progress li nagħmlu bħala pajjiż għax dak
jippermetti lill-Gvern biex isarraf dan kollu f’inizjattivi li jagħmlu
differenza fil-ħajja tan-nies. U sa minn sentejn ilu aħna konna għidna
l-prijoritajiet tagħna x’se jkunu. L-ewwel għidna l-ekonomija bħala
pilastru, imbagħad l-edukazzjoni u l-ambjent. M’għandix għalfejn
noqgħod nirrepeti l-investiment sħiħ li għamilna fl-edukazzjoni,
fl-ambjent, mhux se nidħol f’dak id-dettall biex ma noqogħdux
nirrepetu.
Li huwa
importanti però, li s-suċċess ekonomiku jippermettilna li nieħdu miżuri
bħalma kienet il-miżura ta’ l-income tax, li se tħalli għoxrin
miljun lira fil-bwiet tan-nies u dik se ssarraf effettivament kważi fi
tliet liri żieda, żewġ liri u tmienja u disgħin ċenteżmu żieda
fil-ġimgħa għal min jimla formola ta’ l-income tax għal rasu u
erba’ liri u sebgħa u sittin ċenteżmu fil-ġimgħa iżjed fil-bwiet
tan-nies għal dawk li jimlew formola ta’ l-income tax konġunta,
bejn il-mara u r-raġel. Dawk huma żiediet sostanzjali illi għandhom
itejbu l-kwalita’ tal-ħajja, għandom jgħinu lill-familja tagħna biex
ikollhom iktar flus fil-but. Dik hija l-mira tagħna mill-ewwel kienet,
spjegajnieha fid-dokument ta’ qabel il-budget tas-sena li
għaddiet, li dik nittamaw toħloq iktar attivita’ ekonomika u tagħtina
d-dħul illi l-Gvern imbagħad irid ikompli naturalment jibni fuqu.
Miżuri
oħrajn, infakkar malajr. Il-part-timers, illi issa bil-metodu
l-ġdid jistgħu jħallsu inqas bolla, is-self-employed li se jkunu
jistgħu jimpjegaw in-nisa jew l-irġiel magħhom u allura huma stess se
jiffrankaw l-income tax għax il-paga tal-mara jew tar-raġel
tista’, issa għall-ewwel darba titnaqqas bħala spiża tan-negozju.
Traħħis fil-liċenzji u benefiċċji li tajna lill-ġenituri illi jibagħtu t-tfal
fi skejjel privati jew inkella f’ċentri tat-tfal biex ngħinuhom
fl-ispiża li huma jkollhom biex irabbu l-familja. Il-mira tagħna hi, li
s-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna nsarrfuh f’miżuri li jsaħħu ‘l familji
tagħna fil-komponenti kollha tagħhom, l-anzjani, il-ħaddiema, it-tfal,
iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni eċċ.
Din
is-sena diġa’ għandna l-ewwel indikazzjonijiet issa f’Jannar, jidher li
r-ritmu ekonomiku baqa’ għaddej, bir-ritmu pożittiv tas-sena li
għaddiet, j’Alla nibqgħu sejrin hekk. Tinsewx, irrid infakkar lil
kulħadd li din is-sena rridu naslu għall-miri fiskali li stabbilejna
għalina skond il-kriterji ta’ Maastricht. Għaliex nofs din is-sena jkun
hemm, jekk l-affarijiet jintlaħqu kif qegħdin nipproġettaw illi jiġri,
illi Malta, il-Gvern Malti, jiddeċiedi li jissottometti l-applikazzjoni
biex niġu assessed mill-Kummissjoni biex naraw jekk Malta
tikkwalifikax biex tingħaqad maż-żona ta’ l-ewro, deċiżjoni li finalment
imbagħad trid tittieħed għall-ħabta ta’ Mejju jew inkella Ġunju,
min-naħa tal-Kummissjoni. J’Alla naslu s’hemm, l-indikazzjonijiet li
nista’ ngħid, s’issa li ċ-ċifri ekonomiċi, ir-riżultati ekonomiċi li
aħna akkwistajna fil-laqgħa ta’ l-ECOFIN li jiena kelli ftit
ġranet ilu, ġew rikonoxxuti u jidher ukoll li għandhom iwasslu biex
formalment tittieħed id-deċiżjoni li Malta titneħħielha dak li jgħidulha
l-excesses deficit procedure, l-EDT. Din il-proċedura tittieħed
meta pajjiż, ikun min ikun mis-27, ikollu deficit li jaqbeż
it-3%. Din hija miżura indipendentement mill-ewro biex inkunu ċari.
Imma kull pajjiż li jaqbeż it-3% jgħaddi minn proċess li jgħidulu l-
excesses deficit procedure. Malta kellha deroga mill-bidu
tas-sħubija tagħha, għaliex tajna pjan ta’ konverġenza fil-bidunett u
tiftakru żgur li dan il-pjan kien ħoloq ċertu dubji, xettiċiżmu jekk
aħniex se nilħquh. Bi pjaċir ngħid li lħaqnieh, ġie rikonoxxut
mill-Unjoni Ewropea u issa jmiss il-pass importanti għal pajjiżna li
l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, tkun tirrakkomanda biex titneħħa din
l-excesses deficit procedure.
Dawn huma
sinjali pożittivi illi jinkoraġġuni għas-sena li qegħdin fiha, u li
jiena fiduċjuż allura illi tkompli tkun sena pożittiva. Forsi, l-aħħar
ħaġa li xtaqt ngħidilkom, jekk tippermettuli, l-esperjenza li kellna
s-sena li għaddiet, għall-mod kif fassalna l-budget ta’ din
is-sena irriżulta li kienet esperjenza pożittiva immens. Kellna
parteċipazzjoni minn naħa tan-nies b’mod qawwi ħafna u allura ħsibna li
għas-sena li qegħdin fiha, il-proċess nirrepetuh. U se nibdew minn
kmieni. Se nibdew mill-ġimgħa d-dieħla biex jibdew il-preparamenti
għad-dokumenti ta’ qabel il-budget għall-pre-budget document
li biħsiebna nippubblikaw ukoll din is-sena bħalma għamilna
fis-sentejn li għaddew. Biex nagħmlu hekk, il-ġimgħa d-dieħla aħna se
nibagħtu fuljett fid-djar, f’pajjiżna illi se jkun fih ċertu statistika
u nformazzjoni dwar fejn wasalna s’issa u l-miżuri illi ttieħdu s’issa.
Fl-istess ħin, b’rakkomandazzjoni u stedina lill-poplu tagħna biex
jagħmel bħalma għamel diġa’ fl-esperjenzi li aħna kellna, illi għandna
formola, jimlieha u jibgħatilna s-suġġerimenti, il-prijoritajiet,
il-ħsibijiet, għal dak li għandu x’jaqsam mal-proċess tal-budget
ta’ l-2008.
Il-proċess
se nibdewh mill-ġimgħa d-dieħla u nagħmel appell lill-poplu Malti biex
jipparteċipa għaliex aħna rridu s-suċċess ta’ pajjiżna ikun il-frott ta’
ħidma tagħna lkoll flimkien. Min jixtieq jagħmel l-ewwel mistoqsija?
Ġurnalist
Ninsabu
fl-aħħar sena qabel jiskadu numri ta’ derogi, speċjalment dwar
l-ambjent, jidher li x-xogħol tal-Gvern fuq dawn id-derogi mhuwiex miexi
b’ritmu mixtieq. Hemm miżuri x’jittieħdu, speċjalment fuq dak li huwa
skart ta’ fliexken u affarijiet hekk. Ma nafx jekk hemmx xi pożizzjoni
dwar dan.
Prim
Ministru
Le,
inġenerali naħseb li għal dak li għandu x’jaqsam ma’ derogi u x’naf jien
il-biċċa l-kbira, aħna rnexxielna bħala pajjiż, nimplimentaw, inbiddlu
l-liġijiet, naturalment aħna dejjem nemmnu li mhux biżżejjed li tagħmel
il-liġijiet fil-qasam ta’ l-ambjent, hemm bżonn bidla kulturali.
Jiġifieri huwa proċess ta’ poplu u mhux proċess ta’ regolamenti ta’
l-Unjoni Ewropea. Però hemm regolamenti u aħna obbligati li
nimplimentawhom u fil-maġġoranza stragrandi tagħhom dawk
implimentaniehom u mexjin. Però jeżistu ċerti diffikultajiet f’uħud
minnhom, diffikultajiet prattiċi, wieħed minnhom li semmejt inti,
għandha x’taqsam ma’ kif nittrattaw f’pajjiżna, l-iskart ġenerat
mill-fliexken. Dak it-terminu għadu ma skattax, dak jiskatta f’Jannar
tas-sena 2008.
Li nixtieq
ngħid mingħajr ma nidħol f’wisq dettall illi ilna għaddejjin
b’diskussjonijiet mas-setturi għal xhur twal. U għaddejjin
diskussjonijiet ma’ l-industrija kif ukoll mar-rappreżentanti
tal-ħwienet iż-żgħar u r-rappreżentanti kollha fis-settur biex nippruvaw
insibu sistema, metodu illi jiġi ffinanzjat parti minnu mill-Gvern,
jiġifieri mill-eko-kontribuzzjoni, però li jkun metodu kif jista’ jżomm
sistema li għal pajjiżna fiċ-ċirkustanzi partikulari ta’ pajjiżna tkun
adattata biex nindirizzaw din il-problema. Għadna qegħdin għaddejjin
b’diskussjonijiet biex tinstab l-aħjar tip ta’ soluzzjoni. Sal-lum
għadna ma wasalniex, imma ħa nittama illi nkunu nistgħu naslu
sat-terminu ta’ żmien li huwa stabbilit mill-Unjoni Ewropea. Jiġifieri
sa Jannar li ġej.
Ġurnalista
Il-bieraħ
ġie nnutat min-nutar Charles Mangion, fil-konferenza tal-Labour
illi l-Gvern għadu qatt ma qal ċar jekk l-Isptar Mater Dei se
jibqa’ jagħti servizz ta’ saħħa b’xejn. Tista’ tgħidilna x’se tkun
is-sitwazzjoni?
Prim
Ministru
Naħseb
il-mod kif qiegħed din hija ħażina, fis-sens hija żbaljata, mhux
l-Isptar Mater Dei, is-servizz tas-saħħa, tajjeb. Għaliex tajjeb
għall-Onor. Mangion li jagħmel statement bħal dak, il-mistoqsija
hija s-servizz tas-saħħa bil-polyclinic, bil-mediċini, aħna
l-isfida kbira ta’ pajjiżna hija l-mediċini. U l-mistoqsija trid tkun
aħna se nibqgħu f’pożizzjoni fejn nistgħu niffinanzjaw b’mod sostenibbli
l-qasam kollu tas-saħħa inkluż li nipprovdu mediċini li jkunu mediċini
tajbin, l-aħjar mediċini possibbli għall-poplu tagħna? Ir-risposta
tiegħi bħala Prim Ministru, bħala Gvern, l-isforzi kbar li aħna għamilna
fis-sentejn, tliet snin li għaddew biex inkabbru l-attivita’ ekonomika u
nġibu qagħda fiskali b’saħħitha hija preċiżament biex ix-xibka soċjali
ġeneruża u b’saħħitha li aħna għandna f’pajjiżna nsostnuha. Aħna
m’għandu jkollna qatt bħala politiċi l-mira tagħna li nżarmaw ix-xibka
soċjali. Il-mira tagħna hija li jkollna pajjiż li jkun jista’ jsostni
finanzjarjament dan il-valur ta’ solidarjeta’ li tant hu importanti
f’pajjiżna u allura r-riposta tiegħi hi li l-Gvern immexxi minni jibqa’
jagħmel ħiltu kollha kif għamel fis-sentejn li għaddew b’suċċess, biex
iġib qagħda fiskali b’saħħitha li tkun tista’ tiggarantixxi x-xibka
soċjali illi l-poplu tagħna jixraqlu u li rridu nkomplu mhux biss
insostnulu imma kull fejn hu possibbli ntejbuh għaliex bla dubju ta’
xejn il-qasam soċjali jrid jirrispondi għall-bżonnijiet partikulari
taż-żmenijiet u jiena l-ewwel wieħed li napprezza l-fatt li s-soċjeta’
tagħna tinbidel u jinqalgħu bżonnijiet differenti li nkunu rridu nwieġbu
għalihom.
Ġurnalist
Ninsabu
ħames xhur biss qabel il-ftuħ ta’ l-Isptar Mater Dei. Issa kif
nafu, il-kuntratt ta’ l-I.T. għadu ma ġiex iġġudikat. Minn naħa tiegħek
tista’ tagħti garanzija li dan ħa jkun implimentat sa Lulju li ġej?
It-tieni
mistoqsija fejn waslu d-diskussjonijiet rigward il-korsa tal-golf,
hemm xi pjanijiet tal-Gvern dwar din, dwar dan il-proġett?
Prim
Ministru
Dwar
il-korsa tal-golf ittieħdet id-deċiżjoni finali.
L-indikazzjonijiet illi jien għandi s’issa huma illi biex tkun
sostenibbli hemm bżonn żvilupp sostanzjali ta’ bini, jiġifieri ta’ vilel
u jiena mhux aċċettabbli għalija, dik jiena ddikjarajta minn qabel u
jekk inhu hekk u mhux se jsibuli alternattivi oħra, allura jien stess
inwaqqaf il-proċess. S’issa dik hi l-indikazzjoni, però il-pożizzjoni
definittiva għadha ma ttiħditx però din hija fundamentali. Jiena
għamilta ċara fid-diskors tal-budget, illi nibqa’ nsostni l-bżonn
f’pajjiżna illi l-prodott turistiku itejbu, biex itejjeb il-prodott
turistiku nibqa’ nsostni illi pajjiżna jrid isib il-mezz, hemm bżonn li
jsib il-mezz biex ikollu possibilment faċilitajiet anke tal-golf,
però mhux a skapitu u mhux akkost ta’ kollox. U biex inkun ċar minix
lest li nħalli, le, korsa tal-golf biex issir magħha jkollha
żvilupp enormi ta’ bini li mhuwiex aċċettabbli. Dak huwa fundamentali.
U jidher s’issa mir-rapporti li jien għandi illi biex il-korsa tal-golf
issir fis-site ta’ Għajn Tuffieħa hemm bżonn żvilupp sostanzjali
u dak minix lest li nippermettih. Jiena tlabt illi min qiegħed jistudja
dan biex jippruvaw isibu alternattivi finanzjarji għall-mudell
finanzjarju. Jekk ma jaslux dawn allura, tittieħed deċiżjoni u nieħdu
deċiżjoni li hemmhekk ma ssirx.
Dwar
Mater Dei, fuq l-I.T., saret komuni illi ġurnalisti jsaqsu għal
garanziji. L-ewwelnett il-punt huwa dan, meta ġejna u ndunajna li
jista’ jkun li l-proċess li kien għaddej seta’ kien indizjat minn xi
ħadd li kien qed jagħti informazzjoni li ma kellux jagħmilha u se
noqgħod attent kif nitkellem għaliex hemm proċess għaddej. Tapprezzaw,
aħna dehrilna illi ridna niggarantixxu dan, dan kuntratt kbir ta’ valur
‘il fuq minn għaxar miljun lira. Jiġifieri ridna niggarantixxu illi
hemm it-trasparenza. Issa tiġi dahrek mal-ħajt, u intom tapprezzaw illi
min ikun fil-pożizzjoni tagħna li jrid jieħu d-deċiżjonijiet, irid
ipoġġi kollox fuq miżien u fuq il-miżien poġġejna l-fatti. Iva,
il-fatti li aħna dehrilna li hemm il-proċess li ma kienx għaddej kif
suppost aħna dehrilna illi anke jekk dan jipperikola l-ftuħ ta’
l-Isptar, għaliex ma jkunx hemm is-sistemi ta’ l-I.T, però serjeta’,
trasparenza, l-accountability tagħna titlob li aħna nieħdu passi
biex kull fejn ikollna xi indikazzjoni niċċarawha, biex inkunu ċerti li
l-affarijiet isiru sew.
Jien minix
qed ngħaddi ġudizzju, minix qed ngħid illi jekk jirriżulta, ma
jirriżultax, il-kompitu huwa tal-qrati tagħna, inħallu l-qorti tagħmel
ix-xogħol tagħha. Naturalment lilna tħallina f’din il-pożizzjoni. Issa
dan ifisser li mhux se jkollna s-sistema ta’ l-I.T. sa l-ewwel ta’ Lulju
li ġej, fully-fledged. Ir-risposta hija le, mhux se jkollna
s-sistema fully-fledged, sħiħa ta’ l-I.T. għallinqas hekk jidher
s’issa. Jekk ma nsibux xi metodu kif inħaffu l-affarijiet. Però dan
ifisser illi l-Isptar Mater Dei ma jkunx jista’ jopera?
Ir-risposta hija, hemm soluzzjonijiet, li qegħdin niddiskutu bħalissa,
ma’ l-esperti tagħna biex jippermettulna illi jkollna s-sistemi ta’
l-informatika ġewwa l-Isptar li jippermettulna li niffunzjonaw.
Jiena se
nispjega mingħajr ma nidħol f’wisq dettalji. Il-makkinarju modern li
ġibna għall-Isptar fih innifsu diġa’ għandu ġo fih is-sistemi
tat-teknoloġija ta’ l-informatika. Jiġifieri hu possibbli, jidher
s’issa, illi nsibu soluzzjonijiet illi jippermettulna illi l-Isptar ikun
jista’ jiffunzjona u jaqdi s-servizzi tiegħu sad-data stabbilita,
fil-proċess illi jrid isir tal-migrazzjoni biex inkunu moħħna mistrieħ
illi l-pazjenti tagħna għandhom l-aqwa servizz. Anke din. Il-prinċipju
li fuqu nitilqu huwa dan. Hawn qed nittrattaw mas-saħħa tal-poplu
tagħna u m’aħniex lesti li nieħdu riskji. Id-deċiżjonijiet jittieħdu
jekk inkunu ggarantiti mill-esperti illi sa fejn hu umanament possibbli
nistgħu nittrasferixxu l-pazjenti tagħna mill-Isptar San Luqa
għall-Isptar Mater Dei bis-sistemi jiffunzjonaw mingħajr riskji
għal saħħithom. Jidher illi hemm possibbilta’ li nagħmlu hekk u allura
dak li għidna. Jiġifieri li fl-ewwel ta’ Lulju, Skanska tonora
l-obbligu tagħha.
Jiena,
jekk taraw id-dokumenti kollha li konna ppubblikajna sentejn ilu meta
għamilt stqarrija fil-Parlament u hemm id-dettalji kollha, mingħand
Skanska aħna nnegozjajna pożizzjoni partikulari fosthom, Skanska
obbligat ruħha li sa l-ewwel ta’ Lulju lili tagħtini sptar
fully-commissioned minn naħa tagħha. Issa naturalment ħarġu ħafna
mistoqsijiet, imma allura xi ħadd kien qalli, fl-ewwel ta’ Lulju
l-pazjenti jkunu diġa’ daħlu? Naħseb is-sens komun jgħidlek illi
l-pazjenti jidħlu jekk il-Gvern Malti jkollu iċ-ċertifikat mingħand
Skanska illi l-Isptar huwa kundizzjonat fl-areas kollha
bil-mekkaniżmu kollu li aħna għandna hemmhekk. L-ewwel prijorita’
dejjem kienet l-interessi tal-pazjenti. Skanska obbligat bil-kuntratt
li se tagħtini fl-ewwel ta’ Lulju, sptar commissioned u jkun
minn dak il-mument ‘il quddiem li aħna nistgħu nserrħu rasna li nistgħu
nibdew il-proċess ta’ migrazzjoni fi sptar illi jkun fully
commissioned.
Jekk
Skanska tagħtini spazji li jkunu commissioned, ċertifikati minn
naħa ta’ Skanska qabel, nistgħu nibdew il-proċess ta’ migrazzjoni,
qabel. Però dak huwa l-obbligu ta’ Skanska, dak huwa d-dritt tagħna
bħala Gvern u dik hija l-mixja. Issa f’dan kollu jekk jirriżultalna
illi s-soluzzjonijiet li qed jipproponulna fuq l-I.T. jippermettulna
l-quddiem allura dan kollu jkun jista’ jseħħ. Jibqa’ kunsiderazzjoni
primarja illi aħna mhux se nieħdu riskji mas-saħħa tal-ħaddiema.
Tajjeb, aħna l-kunsiderazzjonijiet tagħna x’inhuma? L-ewwel is-saħħa
tal-pazjenti, it-tieni it-trasparenza tal-proċessi kollha fl-għoti tat-tenders,
dawk flus tal-poplu tagħna u rridu nagħtu rendikont lill-poplu
tagħna illi l-kuntratti qegħdin jingħataw lill-aħjar kuntratturi
possibbli u mbagħad naturalment irridu naraw li Skanska l-obbligi kollha
tagħha assunti fil-kuntratt tkun onorathom sa l-anqas mument. U dak hu
l-proċess kif qed immexxi.
Ġurnalist:
Prim Ministru żewg mistoqsijiet. L-ewwel waħda proprju fuq l-isptar
Mater Dei.Ftit tal-jiem ilu, inti kont ċar illi mill-ewwel ta Lulju,
ġo l-Isptar Mater Dei, se jibda jkun hemm il-pazjenti rikoverati
fis-sodod tal-Mater Dei. Louis Deguara qal li la hu u lanqas ħadd
ma jaf meta se jkun hemm il-pazjenti rikoverati fl-isptar Mater Dei.
Tista’ tispjega din il-kontradizzjoni bejnek u bejn il-Ministru? Min qed
jgħid il-verita’, Louis Deguara jew inti f’dan il-każ?
U t-tieni
mistoqsija. Tkellimt dwar diversi miri illi int qed tgħid li l-Gvern
tiegħek qed jilħaqhom. Waħda mill-miri li ma semmejtx u li propju
għamiltha lura s-sena 2004, kienet illi l-ispejjeż relatati
max-xogħlijiet dwar dak li għandu x’jaqsam toroq f’pajjizna, linji ta’
toroq f’pajjiżna, għandhom jibqgħu mal-budget illi wieħed ikun
ippjana. Ħa nsemmilek ta’ lanqas tliet eżempji. Fit-triq ta’ Għawdex,
bejn ir-Rabat u San Lawrenz, taqbeż aktar minn miljun lira, it-triq ta’
Ħal Far, għadek kif inawgurajtha ftit tal-jiem ilu, ukoll qabżet aktar
minn miljun lira, il-bypass ta’ San Pawl per eżempju, se taqbeż
żgur ta l-inqas għalissa n-nofs miljun lira. Ma tħossokx illi fallejt?
Investigajt? Se tinvestiga u finalment min se iġorr ir-responsabbilta’?
Grazzi.
Prim
Ministru
Mela, fuq
Mater Dei diġa’ weġibt, mhux se nerġa’ nwieġeb. Fuq il-kwistjoni
tat-toroq, għax anke din hija issue li ta’ min ukoll
nindirizzawha, u nindirizzawha b’mod ċar. Il-Ministru Jesmond Mugliett
għamel konferenza stampa, ta d-dettalji kollha u ta l-ispjegazzjonijiet
kollha u jien nissorprendi ruħi kif wara konferenza stampa spjegata,
bid-dettalji kollha tal-Ministru Jesmond Mugliett, nerġgħu nirrepetu
l-istess affarijiet.
Diġa’
għidna, fil-qosor, fil-kalkulazzjonijiet ta’ dak li kellu jkun hemm
bħala spiża minn naħa tal-Protokoll Taljan, kien hemm dejjem
il-kalkolazzjoni tal-VAT. Issa, allura kien hemm din l-ispjegazzjoni.
Apparti minn dan, l-ispjegazzjonijiet ukoll li ta l-Ministru Mugliett
f’din il-konferenza stampa li huwa ta, ta affarijiet li rriżultaw waqt
li jkun qed isir ix-xogħol, fuq talbiet li
jkunu
għamlu d-dipartimenti partikulari, jagħmlulek differenza fil-kalkoli
ta’spejjeż li tkun għamilt fil-bidu nett. Per eżempju, fit-triq ta’ Ħal
Far, il-pjanijiet u l-estimi kollha kienu kkalkulati li kellhom bżonn
culverts ta’ metru għoli. Waqt li kien għaddej ix-xogħol, il-Water
Services Corporation talbet illi jinbidlu l-ispecifications
tal-culvert, biex persuna, jiġifieri l-għoli tal-culvert
ikun iktar għolji, ħa jkunu jistgħu jgħaddu iktar servizzi u jkunu
jistgħu jgħaddu b’iktar kumdita. Id-deċiżjoni li ridna nieħdu anke aħna
bħala finanzi, kienet, isma’, jew se timxu mal-budget u ngħidu
le, le ma jinbidlux, ħalluwha kif inhi, daqshekk. U ngħidu mhux hekk
ħabba l-budget, il-budget kollox. Jew inkella nagħmlu dak
li hu sensibbli, dak li jgħidlek is-sens komun, li la darba x-xogħol qed
jurik waqt li qed għaddej illi tagħmel biċċa xogħol aħjar jekk tista’
tonfoq ftit iżjed, allura neħduha dik id-deċiżjoni.
Fortunatament għal pajjiżna, l-ekonomija tagħna mxiet tant ‘il quddiem,
li kellna finanzi biżżejjed biex inkopru dax-xogħol extra,
noħorġu b’xogħol ta’ kwalita’ aħjar, u xorta nilħqu d-deficit ta’
pajjiżna, li konna mmirajna. Issa. Semmejtli t-triq ta’ Għawdex. It-triq
ta’ Għawdex hija eżempju tipiku ta’ l-affarijiet kif jistgħu jiġru. Mela
saret l-analiżi tat-triq mill-bidu nett u għamlu numru ta’ boreholes
biex jistabbilixxu eżatt x’tip ta’ fond hemm, jiġifieri x’tip ta’ blat
hemm li fuqha trid issir it-triq. Saru l-istudji u l-istudji kkonfermaw
x’tip ta’ blat kien hemm u saru l-kalkoli. Meta beda x-xogħol u bdew
jaqilgħu, parti, stretch kbira ta’ din it-triq sabu li kien hemm
it-tafal. Ħafna iżjed tafal, ħafna iżjed tafal milli qatt seta’ jiġi
kkalkulat. U dan fisser li f’daqqa waħda l-ispiża tat-triq biex issir
sew, biex issir sew, kellha tirdoppja. Issa. X’inhi d-deċiżjoni ta’ xi
ħadd illi qiegħed fis-siġġu fejn irid jieħu d-deċiżjonijiet ta’
responsabilta? X’inhi d-deċizjoni? Le, li jgħidilhom, dak il-budget
issa ma jimpurtanix, erħilkom mit-tafal, ibqa għaddej u mbagħad jekk
it-triq tibda nieżla ħames snin oħra, ngħidu imma aħna mxejna mal-budget
ta! Iss kemm hi tajba. Le, naħseb mhux dik is-serjeta’. Is-serjeta’
kienet titlob li fil-każ ta’ Għawdex, issa t-triq ta’ Għawdex qegħdin
ngħidu ta’ San Lawrenz, ħadna d-deċiżjoni li l-ispiża extra
kellha ssir biex it-triq issir kif għandha ssir.
Naħseb
il-punt li rridu nistaqsu fundamentalment huwa, mela, jekk kellna
budget u qbiżnieh dak il-budget, id-differenza fejn marret?
Value for money. Mhux mistoqsijiet, isma, għax allura x’se
jiġri? Se nispiċċaw nagħmlu il-loġika illi jekk jagħmel sens li tonfoq
iżjed, ma tonfoqx iżjed u tagħmel oġġett nofs kedda. Jiddispjaċini, aħna
m’aħniex Gvern tan-nofs kedda. Tajjeb? Nagħmlu l-affarijiet sew imbagħad
inwieġbu. Naħseb illi dawk kienu il-punti illi semmejt. Dwar il-bypass
ta’ San Pawl il-Baħar issa naraw, naħseb ix-xogħol għadu għaddej,
imbagħad naraw meta nkunu lestejnieh, jekk il-Bambin irid. Żgur huwa
l-fatt li qed nagħmlu toroq ta’ l-aqwa kwalita’ li qed jiġu apprezzati
mill-poplu kollu tagħna.
Ġurnalist:
Prim
Ministru, kont għidtilna li ħa titlob parir legali dwar ir-rapport falz
li wassal għar-riżenja ta’ John Dalli. Tlabtu dan il-parir legali?
X’qalulek? U x’se tagħmel?
U t-tieni nett, xtaqtek tagħti r-reazzjonijiet tiegħek għall-fatt illi
inti ssemmi li l-Gvern tiegħek rażżan l-għoli tal-ħajja, u qed joħloq
l-impiegi. Dan meta hemm rapport illi kien ippreżentat fl-aħħar laqgħa
tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, wera, identifika bħala
l-għoli tal-ħajja u n-nuqqas ta’ mpiegi bħala problemi. Kif tirreaġixxi
għal dan kollu?
Prim
Ministru
Dwar
il-parir legali, iva nikkonferma. Il-parir legali tlabtu fil-bidu ta’
Diċembru li għadda. S’issa għad m’għandix risposta imma ntalab il-parir
legali biex infittxu, biex naraw għandniex dritt bħala Gvern, bħala
pajjiż li niftħu kawża għad-danni kontra min kien responsabbli
għall-ħsara kbira li saret lil pajjiżna. Nerġa’ nfakkar, jekk taraw
l-istqarrija ministerjali li kont għamilt jien meta ntlaħaq il-ftehim
ma’ Skanska, jien stess kont iddikjarajt li kont skandalizzat b’dak li
kien seħħ u bil-ħsara li kienet saret lil pajjiżna u jekk il-parir
legali jkun li għandna dritt infittxu għad-danni, niggarantilek jien li
nieħdu l-passi kollha li jagħtuna parir, li jagħtina parir l-avukat
ġenerali.
It-tieni
mistoqsija, issa ma jidhirlix li qatt, riċentement tressaq xi rapport
lill-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista anke jekk f’dal-Press
Briefings ma nħobbx noqgħod nitkellem issa.......... Però, inti
semmejt żewġ issues, l-għoli tal-ħajja, u l-impiegi. Dwar
l-impiegi, bla dubju ta’ xejn, ara ċ-ċifri, iċ-ċifri jitkellmu waħedhom,
tajjeb. Jiena, mhux jien, imma araw l-istatistika, l-istatistika turik
biċ-ċar illi kellna żieda fit-total ta’ nies jaħdmu bi qligħ, li kienet
sostanzjali u dan huwa ta’ inkoraġġiment kbir f’pajjiżna, għaliex
il-mument li għaddejjin minnu, huwa mument partikulari ħafna.
F’liema
sens?
Diġa’
smajtuni ngħid u ċ-ċifri jikkonfermawlkom, arawhom, illi bħalissa, il-baby
boomers li twieldu wara t-tieni Gwerra, qegħdin jilħqu l-eta’
tal-pensjoni. 61, preċiż, qed joħorġu bil-pensjoni mill-gainfully
occupied tagħna, id-doppju tan-nies li kienu joħorġu sentejn, tliet
snin ilu. Id-doppju. Suppost għandna gainfully occupied nieżel
mhux tiela. Għax qed joħorġu bil-pensjoni, id-doppju ta’ dak li kienu
joħorġu. Mhux hekk biss. Għandna żieda ta’ studenti żġħażagħ li qed
jagħżlu li flok jidħlu fid-dinja tax-xogħol, qed ikomplu għall-grazzja
ta’ Alla jistudjaw. Anke hawn ifisser li suppost hawn inqas nies deħlin
fid-dinja tax-xogħol għax għal grazzja ta’ Alla qed jagħżlu li qed
imorru jistudjaw. Mela suppost il-gainfully occupied nieżel.
Il-verita’, u l-istatistika turi, li l-gainfully occupied tiela’.
U dan hu sinjal pożittiv immens ħafna. Apparti li għaddejjin minn
proċess ta’ bidla radikali.
Aħna
f’pajjiżna kellna għal żmien twil, fabbriki li għamlu ġid kbir lil
pajjiżna, li kienu fil-qasam tat-tessuti, li kienu jimpjegaw mijiet jekk
mhux eluf ta’ nisa. Għax Alla jbierek, fl-imgħoddi l-ekonomija
f’pajjiżna kienet toffri karriera lin-nisa tagħna, taf x’hiex?
Fil-fabbriki tat-tessuti. Hemm kienet il-karriera li kienet toffrilha
l-ekonomija tagħna f’pajjiżna sa ftit żmien ilu. Mhux qed nikkritika.
Hekk kienu ċ-ċirkustanzi. Id-dinja tal-lum u l-Gvern tal-lum lin-nies
qed joffrilhom karriera mhux fil-fabbriki jagħmlu l-jeans, imma
fl-inġinerija. Mur il-Lufthansa Technik u tieħu pjaċir tiltaqa ma’
l-inġiniera nisa fil-Lufthansa Technik. Fl-informatika, fit-teknoloġija
tal-komunikazzjoni, fis-servizzi finanzjarji, fil-qasam professjonali,
dawn huma l-opportunitajiet li qed noffru għan-nisa. U allura fil-qasam
ta’ l-impiegi, jien ninsisti li pajjiżna għandu għal x’hiex ikun
sodisfatt u b’x’hiex niftaħru. Anke ħdejn pajjiżi oħrajn. Vera fadlilna
ħafna iktar x’nagħmlu, ir-rata tal-parteċipazzjoni tagħna, tan-nisa
partikolarment, għadha baxxa ħdejn pajjiżi oħrajn, imma mexjin. U qed
jirnexxielna nirkupraw anke f’mument ta’ transizzjoni kbira.
Jien jekk
niftakar li bħal daż-żmien sena ħadna ‘l pajjiż, ħadna daqqa minħabba
l-impiegi li ntilfu mid-Denim, dik fissret daqqa kbira. Fortunatament
pajjiżna irnexxielu jassorbi dik id-daqqa, u ħafna mill-ħaddiema, mhux
kollha, għad fadal min għadu qed ifittex ix-xogħol, imma ħafna minnhom
sabu xogħol alternattiv. Dak hu sinjal tajjeb, il-flessibbilta’ ta’
ekonomija li toffri l-alternattivi.
Dwar
l-għoli tal-ħajja. Anke hawn, pajjiżna sofra ħafna mill-prezz taż-żejt.
Issa din mhux politika, u ma nistgħux inkunu partiġġjani f’das-sens.
Mhux veru għola l-prezz taż-żejt? Jew qed noħolmu? Jew nofs il-pajjiż
biss jemmen li għola l-prezz taż-żejt? Għola bil-kbir. U ta daqqa enormi
lill-pajjiżi kollha, fid-dinja kollha. Enormi d-daqqa li ta. Lilna
itihielna d-daqqa ta’ ħarta darbtejn. Għaliex għandna l-enerġija,
l-elettriku li nużaw kuljum, però nipproduċu l-ilma bl-enerġija aħna.
Mhux bħal pajjiżi oħra. Pajjiżi oħra għandhom il-fortuna allavolja
l-ispiża tal-bidla fil-klima, anke din ħa teħdilhom minn taħt saqajhom.
Ħa naraw x’ħa jiġri. Imma erħilha.
Terġa’
pajjiżi oħra għandhom il-patt naturali li għandhom l-ilma mix-xmajjar u
mis-silġ. Aħna m’għandniex dak il-benefiċċju u fis-snin li għaddew
kellna ninvestu bil-kbir, kapital enormi biex ikollna reverse osmosis
u ndawru l-ilma tal-baħar fl-ilma x’nixorbu. Meta tgħidha lill-barranin
dawn jibqgħu imbellħin. Jibqgħu skantati kif f’pajjiżna, gżira żgħira
jirnexxielu jsib il-finanzi biex jagħmlu dan. Għax jgħidulna, intom
sibtu ż-żejt jew? Biex ikollkom benefiċċji soċjali ta’ dan il-kwalita’,
edukazzjoni b’xejn, saħħa b’xejn, stipendji lill-istudenti, issa anke
qed jirnexxielkom l-ilma tal-baħar tagħmluh....... Iva il-poplu tagħna
tul is-snin kellu dil-kapaċita. Mertu ta’ ħafna nies, ta’ ħafna
gvernijiet, kellu dil-kapaċita’. Tajjeb.
Imma
jibqa’ l-fatt li aħna qed nonfqu ħafna iktar minn pajjiżi oħrajn
fl-elettriku, biex niġġeneraw l-ilma tagħna, u allura tifhmu d-daqqa
kienet kbira. Ħafna kienet kbira. Ħamsin miljun lira swiet lil pajjiżna
s-sena li għaddiet dan l-eżercizzju. U dan kellu effett fuq l-għoli
tal-ħajja. Però kif dejjem ipproġettajna, mill-bidu nett, illi
eventwalment aħna u mexjin, l-impatt taż-żejt, tal-prezz taż-żejt fuq
l-inflazzjoni tagħna kien se jiġi assorbit. U f’pajjiżna, bħal anke
pajjiżi fl-ekonomija Ewropea irnexxielu jassorbi did-daqqa kbira u
minflok illi niżel għarkopptejh, aħna ma tfejniex id-dwal kollha
tat-toroq, bħalma ġara fl-imgħoddi meta kien għola l-prezz taż-żejt,
aħna m’għedniex lill-fabbriki tagħna, isma araw kif tagħmlu u tnaqqsu
l-elettriku jew lil hotels biex inaqqsu l-elettriku jew biex
jiffrankaw, biex it-turisti jibdew......m’għidnielhom xejn minn dan
kollu. Anzi. Lill-hotels għidnielhom se nħallsulkom parti mis-surcharge
aħna, aħna...mhux aħna, għax mit-taxxi tal-poplu tagħna, lil fabbriki
għednilhom parti mis-surcharge ħa nħallsuha aħna, jiġifieri
taffejna kull fejn stajna, biex id-daqqa kemm jista jkun tkun daqqa kemm
jista’ jkun imtaffija. Kemm għall-familji tagħna, għandna qrib
is-sbatax, tmintax il-elf familja li mhi qed tħallas ebda surcharge
ta’ xejn, ħadna miżuri illi kienu soċjalment ispirati.
Fil-budget
ta’din is-sena introduċejna miżura ġdida għax se jkun hemm għajnuna
partikulari ikbar milli qatt kien hemm qabel lill-familji li ma jistgħux
iħallsu das-surcharge. Bil-għaqal għaddejjin ukoll biex is-surcharge
jonqos u bil-mod il-mod rajtuh jonqos. Jiġifieri dan kollu. Issa anke
l-inflazzjoni. U kif ipproġettajna, u kif għedna l-inflazzjoni ta’
pajjiżna sa minn Diċembru li għadda, bdiet turi li qabdet it-triq
tan-niżla. Jiġifieri r-rata ta’ inflazzjoni bdiet nieżla. Interessanti
meta mqabbla ma’ l-inflazzjoni fil-pajjiżi Ewropej. Illi jidher fuq l-average
Ewropew qed tiela’ mhux nieżla. U dak fisser li aħna f’Diċembru erġajna
dħalna taħt ir-referencevalue tal-kriterji ta’ Maastricht
u issa naraw.
Erħilhom
il-kriterji ta’ Maastricht għax dik importanti, però mhux importanti
daqs kemm hi importanti il-kwalita’ ta’ ħajja għan-nies tagħna. Li
jiena, il-preokkupazzjoni tagħna hija l-pagi li jiġu mikulin jekk
ikollok rata ta’ inflazzjoni għolja. Imma kien għalhekk li tajna issa
dal-miżuri ta’ income tax, għoli tal-ħajja ta’ Lm1.75 biex
nikkompensaw. Dan kollu, il-familji Maltin sa’ mill-bidu ta’ Jannar ta’
din is-sena, il-biċċa l-kbira stagrandi tagħhom kellhom żieda netta
ġol-paga li huma qegħdin jieħdu, apparti li jista’ jkun hemm effett
ukoll, jekk il-Bambin irid, pożittiv fuq il-pensjonanti. Għaliex
iż-żieda li kien hemm minħabba l-increments li tajna b’riżultat
tal-collective agreement tal-Gvern, fis-settur pubbliku dak
jissarraf ukoll għal reviżjoni ta’ pensjonijiet għal dawk il-pensjonanti
illi għandhom il-pensjoni tagħhom linked ma’ l-impiegi tal-Gvern
u li għadhom ma laħqux il-massimu ta’ pensjoni ta’ coverage skond
il-liġi tagħna.
U allura
għaliex tawwalt daqsxejn fuq dir-risposta? Għaliex hija mistoqsija
importanti, mistoqsija tajba, li tirrikkjedi spjegazzjoni. Jiena naħseb,
allavolja kellna dal-mewġ kbir, l-ekonomija ta’ pajjiżna rnexxiela
tassorbieh u timxi ‘l quddiem. L-istess ġara fl-Ewropa. Għedtilkom,
għadni ġej mil-laqgħa ta’ l-ECOFIN, saret l-analiżi u jirriżulta
li l-ekonomija Ewropea fis-sena 2006 kollha, irnexxielha tassorbi
d-daqqa tal-prezz taż-żejt u fl-istess ħin tiġġenera tkabbir
relattivament pożittiv. Għalina, li għandna l-ekonomija tagħna
tiddependi fil-maġġoranza stagrandi tagħha fuq l-ekonomija Ewropea, dan
hu good news, dan hu tajjeb u ġie prodott riżultati pożittivi
għal pajjiżna.
Ġurnalist
Prim
Ministru, smajna ħafna fuq il-proġett Smart City dan l-aħħar minkejja li
probabbilment kulħadd jirrikonoxxi li huwa proġett kbir, il-ħsieb hu li
ħa jgħaddi ż-żmien qabel ma nibdew inħossu l-effett ta’ dan il-proġett.
Taħseb li jkun hekk?
Prim
Ministru
Le, anzi.
Li nista’ ngħid huwa li l-fatt li aħna ħabbarna li ntlaħaq il-ftehim,
diġa’ qed iħalli effetti pożittivi. Malta issa qiegħda fuq il-mappa
globali tad-dinja, bħala pajjiż li ntgħażel minn dawn il-kumpaniji kbar
li huma magħrufin mad-dinja kollha għall-inizjattiva li għandhom
f’Dubai, u intom tafu l-meravilja li għandhom ġewwa Dubai, kulħadd issa
qed jgħid isma dawn għażlu lil Malta. Din Malta, għaliex Malta? Għaliex
Malta minn tant pajjiżi oħrajn? Kif intghażlet Malta biex tkun
ir-replika tad-Dubai Internet City u d-Dubai Media City? U dan waħdu
huwa diġa’ progress kbir, avvanz kbir, akkwist kbir għal pajjiżna. Mela.
Apparti dan imma, issa jiskatta kollox, nittama dalwaqt issa fi Frar
inkunu nistgħu nressqu r-riżoluzzjoni fil-Parlament, nittama li jkollna
approvazzjoni mgħaġġla kemm jista’ jkun fil-Parlament, jiġifieri
m’hemmx....ikollna l-approvazzjoni minn naħa ta’ l-oppożizzjoni biex
immedjatament nimxu u nittama mbagħad, il-mira tagħna hija li sa nofs
din is-sena, sa April jekk il-Bambin irid, prattikament naraw li jkun
beda x-xogħol fiżiku fuq l-art, f’din l-area illi....issa ħa
niftiehmu, qed nitkellmu l-Kottonera, qed nitkellmu illi l-Kottonera se
nagħmlulha l-Kottonera dak li rridu nagħmlu lil pajjiż.
Il-Kottonera se tkun metafora tal-pajjiż. Bidla radikali minn post li
għadda minn mumenti diffiċli fis-snin li għaddew sa mill-gwerra u tant
snin oħrajn, sa mit-tieni Gwerra Dinjija, li sofra tant, għal post li
issa se jkun qiegħed fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni, mhux biss tal-gżira
tagħna, imma fiċ-ċentru ta’ l-attenzjoni tad-dinja. Apparti minn hekk,
se jkun il-post li jagħti opportunitajiet ta’ xogħol għal mijiet u eluf
ta’ żgħażagħ tagħna, fl-oqsma kollha imma partikolarment fil-qasam
tat-tekonoloġija ta’ l-informatika. Li hija d-direzzjoni li aħna rridu
nagħtu lil pajjiżna. Hawn qegħdin ngħidu fejn irridu nieħdu lil
pajjiżna, f’kollox mhux fis-Smart City, fl-għaxar snin, ħmistax-il sena
li ġejjin. Il-gżira li se ssir iċ-ċentru fir-reġjun Mediterranju u
fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam teknoloġija tal-komunikazzjoni u
mas-servizzi finanzjarji u oħrajn. Aħna se nkunu ċentru reġjonali ta’
eċċellenza f’dawn l-oqsma.
U
dad-diskors għamiltu fil-budget jiena, mhux xi ħolm jew xi ħaġa.
Mhix xi invenzjoni. U allura huwa proġett kbir ħafna, enormi, irid
iż-żmien tiegħu biex isir, irridu li jsir sew, imma huwa proġett li
diġa’ beda jġib il-ġid lil pajjiżna.
Ġurnalist
Dr Gonzi, tliet mistoqsijiet qosra. Ħafna
mill-evażjoni tat-taxxa,miljuni ta’ liri, issir fis-suq fil-bejgħ
tal-proprjeta’, fejn is-sid forsi jiddikkjara eluf inqas imbagħad meta
wieħed jasal għall-loan, il-banek joħorġuhom taħt furnishing.
Dwar dan l-aspett, il-Gvern x’se jagħmel, fis-sens dwar dawn il-miljuni
ta’ evażjoni.
It-tieni
mistoqsija, dwar il-kaċċa. Fl-istaġun li jmiss, fir-Rebbiegħa, dan
l-istaġun se jiftaħ bħas-soltu?
U t-tielet
mistoqsija biex norbot ma dak li għidt ftit tal-ħin ilu, l-għoli
tal-ħajja u ż-żieda li ta l-Gvern. Dwar dan l-aspett, ftit tal-jiem ilu
biss il-Bank Ċentrali għolla r-rata ta’ l-imgħaxx. Dan ifisser illi hemm
koppji illi dan it-tip ta’ żieda ittieklet f’daqqa waħda għaliex il-loan
tagħhom għaxar liri, ħmistax il-lira żieda fix-xahar minħabba dan
il-punt. X’tikkummenta dwar dan jekk jogħġbok?
Prim
Ministru
Dwar
l-ewwel mistoqsija, l-evażjoni. L-evażjoni nibqgħu nattakkawha u
nattakkawha b’ħilitna kollha, fil-livelli kollha mhux biss issa
fil-livell ta’ proprjeta’ imma fil-livelli kollha. Jiena naħseb illi
qegħdin nakkwistaw riżultati għaliex jidher illi d-dħul tal-Gvern qed
jiżdied, għalkemm iktar attivita’ ekonomika jidher illi d-dħul tal-Gvern
qed jiżdied għaliex hemm iktar attivita’ ekonomika, però anke għaliex
il-miżuri li ħadna, aħna żewġ budgets ilu biddilna l-liġi f’dak
li għandu x’jaqsam mal-capital gains tax kif titħallas fuq
proprjeta’ meta tintiret, fuq proprjeta’ meta tinbiegħ. U jidher ċar
illi l-miżura ġiet aċċettata, ġiet assorbita fis-sens pożittiv, u naħsbu
jidher, għalkemm dan qatt ma tista’ tkun ċert illi in-nies iktar qed
ikunu iktar veritieri f’dak li qegħdin jiddikkjaraw u jidher illi din
l-indikazzjoni.
Naturalment hemm miżuri oħrajn, hemm metodi oħrajn. Fuq proprjeta’ inti
taf kif inhi s-sistema. Il-Gvern iqabbad lill-periti tiegħu biex jagħmel
l-istimi u jekk il-perit tal-Gvern jistma proprjeta’ u jsib li hemm
varjazzjoni kbira bejn dak li ġie ddikkjarat fuq il-kuntratt u dak li
jkun qed jistma l-Gvern, allura mbagħad ikun hemm l-investigazzjoni.
Jiġifieri hemm metodi u nibqgħu nippruvaw nirfinaw il-metodi kemm jista’
jkun. It-Tax Compliance Unit li tinvestiga sors ta fondi u kif
ġew u minn fejn ġew il-fondi, għandha wkoll funzjoni mportanti f’dak
il-qasam.
Fil-każ
tal-kaċċa, il-pożizzjoni tagħna hija ċara daqs il-kristall. Dak li
nnegozjajna ma’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti se jibqa jinsisti fuqu
sa l-aħħar mument, u nibqgħu niġġieldu sa l-aħħar mument, biex dak li
nnegozjajna inwettquh. Dak hu, la iktar u lanqas inqas. U dan id-diskors
nagħmlu jiena, kemm ma’ dawk li jiġu mis-settur tal-kaċċaturi u
n-nassaba kif ukoll ma’ dawk li jiġu mis-settur ta’ l-ambjent. Illi
ngħid isma’, ir-referendum f’pajjiżna mbagħad wara l-elezzjoni
ġenerali stabillew dak il-benchmark. Dak hu benchmark illi
huwa nazzjonali. Il-Gvern huwa mpenjat li jimxi ma’ dak il-benchmark.
Dak li ġie nnegozzjat ma’ l-Unjoni Ewropea u fin-negozjati li wassluna
għal sħubija.
Dwar
l-għoli tal-ħajja u r-rata ta’ l-imgħax. Naħseb m’għandniex norbtu
ż-żewġ affarijiet ma’ xulxin. Id-deċiżjoni tal-Gvernatur tal-Bank
Ċentrali, li jeħodha b’mod awtonomu, indipendenti mill-Gvern, tittieħed
għal ċertu raġunijiet li hu jispjega fil-qosor ħafna meta toħroġ
l-istqarrija. Hija marbuta mal-fost konsiderazzjonijiet oħrajn mas-saħħa
tal-lira Maltija. U hija marbuta ma’ miżuri u politika monetarja li bank
ċentrali u kwalunkwe bank ċentrali jieħu biex isostni l-munita
tal-pajjiż. Din hi waħda mir-raġunijiet illi huwa importanti li
jirnexxielna naħdmu flimkien f’pajjiżna biex naslu ħalli nilħqu l-miri
ta Maastricht u nkunu nistgħu ndaħħlu l-munita Ewro, għaliex la darba
tidħol il-munita ta’ l-Ewro, allura ċertu diffikultajiet illi llum
għandna jkunu ġew indirizzati.
Issa jiena
konxju illi jista’ jkun hemm kuntratti illi jiġu effettwati b’rata ta’
imgħax, imma hemm kuntratti oħrajn illi suppost għandhom ir-rata ta’
l-imgħax fissa. Jiġifieri wieħed irid joqgħod attent daqsxejn l-effett,
effettivament xi jkun fuq il-prezzijiet partikolarment tal-proprjeta’.
Din hi analiżi, aħna nibqgħu b’għajnejna mixħutin fuqha ħalli naraw
għaliex waħda mill-aktar affarijet li qegħdin sensittivi għaliha bħala
Gvern hija l-prezz tal-proprjeta’ u l-impatt tal-prezz tal-proprjeta’
fuq il-koppji żgħażagħ u l-familji tagħna. Din hija xi ħaġa li qed
inħarsu lejha, nippruvaw naraw x’inhuma s-soluzzjonijiet li nistgħu
noħorġu bihom, m’hemmx ħafna affarijiet x’tista’ tagħmel, imma nibqgħu
impenjati biex nindirizzaw din l-issue għax hija issue ta
importanza b’effett u b’impatt anke soċjali fuq pajjiżna.
Prim
Ministru
Intlaħaq
il-ftehim fuq il-prezzijiet tal-mediċini, u fil-fatt il-ftehim kien
importanti għaliex, għaliex jekk tiftakru sew kien hemm mument minnhom
fejn ċertu mediċini li aħna mdorrijin bihom, prodotti partikulari
f’pajjiżna, kien hemm ir-riskju, mhux riskju, kien qed jiġri, ma konniex
qed narawhom fuq is-suq. U dik kienet waħda mill-ewwel
preokkupazzjonijiet tagħna u dik indirazzajnieha u l-ftehim li ntlaħaq
ikopri dan kollu, għaliex il-Gvern raħħas ħafna l-ispiża
tar-reġistrazzjoni illi l-importaturi kien qed ikollhom iħallsu, u
proċeduri oħrajn, ma noqgħodx nidħol fid-dettall.
Qegħdin
issa fl-aħħar mument fejn issa jrid jintlaħaq u ntlaħaq effettivament
il-ftehim dwar mekkaniżmu illi jkun jista’ issa jiggarantielna li meta
mediċina li tkun impurtata minn barra, il-prezz li bih tkun qed tinbiegħ
hawn Malta jkun kemm jista’ jkun viċin il-prezz li nsibu fil-bqija
tas-swieq Ewropej. Huwa dan il-mekkaniżmu li nkunu rridu nħabbru jekk
il-Bambin irid ma ndumux fuqha.
Aħna t-target
dejjem kien li l-pre-budget nippubblikawh jekk jista’ jkun
f’Ġunju. Minħabba ħafna raġunijiet, spiċċajna nippubblikawh f’nofs
Lulju, fl-aħħar ta’ Lulju. Din mhix ideali. Jien idealment f’Ġunju
għandu jkun. Issa anke hawn għandna problema. Għaliex immorru f’Lulju?
Għaliex l-istatistika li jkollna sa’ l-aħħar ta’ Ġunju tagħtina
indikazzjoni u allura nixtiequ li l-pre-budget
nippubblikawh sa’ l-aħħar ta’ Ġunju, però dak ikun ifisser li ma
jkollniex l-istatistika ekonomika illi tkun daħlet għal pajjiżna
għall-aħħar ta’ Ġunju. U allura qegħdin fix-xahar ta’ Lulju biex
nippubblikaw.
Issa. Fih
ħafna xogħol. Jekk tiftakru sew is-sena li għaddiet, mill-bidu tas-sena
aħna konna ħabbarna li se nagħmlu team ta’ esperti biex jaħdmu fuq
riforma ta’ sistemi ta’ tassazzjoni tagħna. Bdejnieha kmieni. Ħadd ma
qal li ġejja elezzjoni , bdejna f’Jannar tas-sena li għaddiet,
naturalment kien kulħadd bil-kurżita’, kulħadd isaqsi u jsaqsi x’qed
jagħmlu u ma jagħmlux u ħallejna ħafna nies bil-kurżita’ sa Lulju, però
mbagħad f’Lulju n-nies qatgħu l-kurżita’. Kien hemm min m’emminx taf,
kien hemm min m’emminx. Imma mbagħad urejna lil kulħadd li konna kapaċi
nagħmlu miżura u miżura tajba wkoll. Imma ħadd ma qal ġejja elezzjoni.
Issa x’irridu nagħmlu? Naħseb kien eżerċizzju tajjeb. Sinċerament ngħid
jiġifieri l-poplu tagħna kkontribwixxa u wriena x’inhuma
l-preokkupazzjonijiet, x’inhuma l-prijoritajiet, fejn jixtieqna ninvestu
t-taxxi tiegħu. It-taxxi tal-poplu tagħna. U għalkemm issib illi ħafna
minn dawk li jgħidulek in-nies huwa viċin ta’ dak li ngħidu aħna, però
kultant toħroġ idea ġdida, friska. U rriduha dik aħna, irriduha. U
rridu, nixtiequ illi l-poplu tagħna, issa m’hemmx kulur politiku, u
nerġa’ ngħid, m’hemmx kwistjoni ta’ elezzjoni u mhux elezzjoni, jaħdem
flimkien mal-Gvern biex dal-pajjiż inkomplu mmexxuh ‘il quddiem.
U allura. Dehrilna illi sa minn....issa diġa’ għadda Jannar, qegħdin
Frar, nibdew il-proċess fi Frar, biex jippermettielna li għal ħabta ta’
April, Marzu April, ikollna l-feedback, ikun daħal għandna,
nanalizzaw ftit l-affarijiet, aħna stess naħdmu fuq tfassil tat-2008
fejn nixtiequ mmorru. Dak naturalment jiddependi fuq indikatur,
indikaturi ekonomiċi li jibda jkollna għal din is-sena u nkunu nistgħu
nfasslu l-ġejjieni għalina lkoll. Għandna challenges u
opportunitajiet speċjali interessanti. Se jkollna żviluppi tajbin
f’pajjiżna matul din is-sena u allura rridu iva li kulħadd ikun parti,
integrali minn dan kollu. Aħna mhux minn fuq niddettaw ‘l isfel xi jrid
isir. Jekk jista’ jkun l-ewwel nisimgħu x’qed jgħid il-poplu, imbagħad
nanalizzaw.
Naturalment ma rridux nagħmlu l-iżball u nagħmel l-appell
lill-oppożizzjoni. Faċli ħafna tgħid: Jekk nitla’ fil-Gvern, inneħħi s-surcharge!
Għidli minn fejn ħa ġġib ħamsin miljun. Se żżid it-taxxi terġa’? Se żżid
il-VAT? Se ddaħħal is-CET? X’se tagħmel? Kif? Kull miżura li titħabbar
mingħajr studju ekonomiku serju u professjonali tiswa l-flus. U jiena
ninsisti li aħna bħala Gvern ilkoll kemm aħna, kull proposta li nressqu
tkun proposta li tkun ġiet analizzata finanzjarjament għaliex
il-konsolidazzjoni fiskali u t-targets fiskali li akkwistajna
hija waħda mill-ikbar rebħiet li pajjiżna jista’ jagħmel biex
jiggarantixxi ġejjieni fis-sod, fl-aspetti kollha illi aħna għandna
speċjalment fil-qasam soċjali.
Ħadt
pjaċir bil-mistoqsija li saritli fil-bidu ta din il-press conference,
jiġifieri fuq il-qasam tas-saħħa, u r-risposta nerġa’ nirrepetiha.
Il-mira tagħna lkoll għandha tibqa li aħna l-valur tas-solidarjeta’ jkun
il-pedament tal-politika tagħna. Dak ifisser li rridu nsibu bil-għaqal
il-mezz kif niffinanzjaw l-aqwa xibka soċjali illi nistgħu nipprovdu
lill-poplu tagħna possibbli. Hija sfida għar-realtajiet soċjali u
ekonomiċi tad-dinja tal-lum, però hija sfida li jien personalment nemmen
li nistgħu nirbħuha. U l-performance li kellna matul is-sena li
għaddiet turi biċ-ċar, li nistgħu nkunu ottimisti għall-ġejjieni,
b’ekonomija li timxi ‘l quddiem, li toħloq il-ġid, u li mbagħad dak
il-ġid inqassmuh. U nqassmuh b’solidarjeta’. Hekk inkunu nistgħu
niffinanzjaw il-qasam soċjali kollu tagħna.
Nirringrazzjakom sinjuri u l-ġurnata t-tajba lil kulħadd.