Il-Prim Ministru jħalli Malta għal żjara
fl-Awstralja u New Zealand - 7/8/02
Huwa u jkellem lil
ġurnalisti fl-Ajruport Internazzjonali qabel ħalla Malta, il-Prim
Ministru Dr. Eddie Fenech Adami qal li kif kulħadd jaf, ftit xhur ilu
kellu laqgħa fl-Awstralja u f’dik l-okkażjoni kellu l-opportunità
li jiltaqa’ kemm mal-Prim Ministru John Howard ta’ l-Awstralja, kif
ukoll mal-Prim Ministru Helen Clark ta’ New Zealand. Huwa żied li
f’dik l-okkażjoni kien tkellem dwar Malta u r-relazzjonijiet taż-żewġ
pajjiżi, partikolarment dwar il-Maltin ta’ barra li jgħixu hemm.
Eventwalment huwa kellu stedina biex iżur kemm l-Awstralja u kif ukoll
in-New Zealand.
Dr Fenech Adami qal illi ser jibda’ billi jmur l-Awstralja, fejn l-ewwel
parti taż-żjara tiegħu se tkun tikkonsisti f’laqgħat mal-Kommunità
Maltija illi kulħadd jaf kemm hi kbira numerikament u imxerrda ma’ l-Awstralja
kollha. Għal raġunijiet ta’ żmien, mhux ser ikun possibbli li jmur
fl-istati kollha ta’ l-Awstralja, imma se jżur l-iStati prinċipali
fejn hemm l-aktar Maltin.
Il-Prim Ministru semma li filwaqt li dari konna nirreferu għalihom
bhala ‘emigranti’, illum kulħadd jifhem illi l-Maltin ta’ barra
ngħataw l-opportunità li jekk iridu jżommu ċ-cittadinanza Maltija
jew doppja. Bħala ċittadini Maltin huma ċertament jibqgħu b’kull
interess li jkunu jafu l-iżviluppi f’pajjiżna, x’qed jiġri,
x’inhi s-sitważżjoni politika, ekonomika u soċjali ta’ pajjiżna.
Għalhekk hija opportunità tajba illi l-Prim Ministru Malti jiltaqa’
mal-kommunità Maltija kemm fl-Awstralja kif ukoll fi New Zealand.
Dr Fenech Adami qal li se jkollu ukoll laqgħat mal-Prim Ministri ta’
l-Awstralja u n-New Zealand rispettivament, kif ukoll ma diversi
personalitajiet oħra. Fl-aħħarnett il-Prim Ministru rringrazzja l-Gvern
Awstraljan għall-opportunità li qed tingħata biex iżur l-Awstralja
kif ukoll biex ikollu laqgħat uffiċjali hemmhekk.