MESSAĠĠ
LIN-NAZZJON MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR LAWRENCE GONZI
Ħuti
Maltin u Għawdxin,
Fl-4
ta’ Mejju ta’ l-1965, seba’ xhur wara li Malta kisbet l-Indipendenza
taħt it-tmexxija tiegħu, Ġorġ Borg Olivier indirizza lill-Kunsill ta’
l-Ewropa għall-ewwel darba bħala Prim Ministru ta’ Malta
indipendenti. Fid-diskors tieghu, Borg Olivier, lil din l-okkażjoni, stħajjilha
bħala ritorn lejn id-dar: Malta, stqarr Borg Olivier, kienet qed tieħu
postha fost in-nazzjonijiet li kienu membri ta’ l-istess familja, għax
mibnija mill-istess storja u fuq l-istess valuri.
Għal
Missier Malta Indipendenti, it-tifsira ta’ l-indipendenza vera ma
kinetx li Malta tinqata’ għal rasha, iżda, għall-kuntrarju, li
Malta tkun libera li tissieħeb ma’ min jaqblilha u, proprju għax
kienet pajjiż indipendenti, issemmi leħinha u tagħti sehemha.
Bid-dħul
ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-parteċipazzjoni tagħna l-Maltin u l-Għawdxin
fid-dar Ewropea issa tista’ tilħaq il-milja tagħha. Fil-Kunsill ta’
l-Ewropa 39 sena ilu, Borg Olivier kien tkellem bl-Ingliż: is-sena l-oħra,
waqt il-firmar tat-Trattat tas-Sħubija, il-Prim Ministru Malti ta’
dakinhar, Eddie Fenech Adami, lil sħabu l-kapijiet tal-gvern Ewropej
indirizzahom bil-Malti…
Xebbaħt
lill-Unjoni Ewropea ma’ familja: aħna ngharfu li familja hi tassew
magħquda mhux meta l-membri tagħha jkunu kollha l-istess, iżda meta
kull membru jingħata l-ispazju fejn timraħ l-identità tiegħu;
il-familja tassew magħquda tħaddan l-istess valuri, iżda ma toħnoqx
il-personalità tal-membri individwali. U hekk hi l-Unjoni Ewropea: hi
możajk ta’ identitajiet kulturali differenti, u temmen bis-sħiħ li
l-Unjoni tistagħna bid-diversità tagħha daqskemm titqawwa bl-għaqda
tagħha.
Dan
it-twemmin rajnih jitħaddem fin-negozjati li kellna ma’ l-Unjoni
qabel ma ddeċidejna li nissieħbu. Malta talbet u ngħatat
kundizzjonijiet speċjali, f’ħafna oqsma, li kienu jgħarfu ċ-ċirkostanzi
speċjali tagħha. Iżda forsi dan it-twemmin fil-valur tad-diversità
spikka l-aktar meta kienet aċċettata t-talba tagħna li l-ilsien Malti
jkun meqjus bħala lsien uffiċjali ta’ l-Unjoni: waħda mir-raġunijiet
ewlenin għala t-talba tagħna ntlaqgħet kienet proprju għaliex
ilsienna hu l-uniku ilsien semitiku fost l-ilsna tal-popli Ewropej, u għalhekk
l-preżenza tal-Malti fost l-ilsna uffiċjali se twassa’ l-idea ta’
xi tfisser li tkun Ewropew.
Kull
biċċa tal-możajk tlewwen u ssebbaħ u tkabbar is-sens tal-możajk sħiħ.
Fl-Unjoni Ewropea se nżommu l-identità tagħna, iżda din l-identità
se tkun tista’ tagħti, aktar minn qatt qabel, valur akbar
lill-identità Ewropea.
Fil-możajk
Ewropew l-identità tagħna nistgħu ngħixuha b’mod aktar sħiħ,
ukoll. L-Istorja tagħna hi storja ta’ poplu ċkejken ħiereġ minn
pajjiż li kemm-il darba kien assedjat, li kien għal sekli sħaħ bażi
militari, li kien pajjiż b’ħafna emigrazzjoni għaliex ma kienx
jiflaħ jagħti x-xogħol lil kulħadd…u li issa hu pajjiż
indipendenti bażat fuq ix-xogħol u l-impenn għall-paċi. Din hi l-istorja
li tagħtina l-identità u l-valuri tagħna, valuri li se nsibu wesgħa
akbar fejn ngħixuhom, issa li se ningħaqdu ma’ Unjoni ta’ pajjiżi
li huma wkoll ħarġu minn storja ta’ gwerra biex, flimkien, bnew
il-paċi, u minn storja ta’ faqar bnew soċjetà li tħaddan l-ogħla
kwalita ta’ għixien u protezzjoni soċjali.
L-istorja
ma tieqafx hawn: tkompli. L-Unjoni Ewropea m’hix biss możajk, iżda
hi wkoll proġett. Proġett li għadu ma spiċċax. Proġett li rridu li
nkunu parti minnu ħalli ngħinu nfassluh – bl-ideat, bil-valuri, u
bil-ħidma tagħna.
L-Unjoni
hi proġett ta’ għaqda ta’ pajjiżi li jridu jbaħħru fil-mewġ
tal-globalizzazzjoni. Iridu jgawdu l-opportunitajiet li tagħti l-globalizzazzjoni
– opportunitajiet li m’humiex biss ekonomiċi iżda kulturali u
politiċi wkoll. Fl-istess waqt dawn il-pajjiżi iridu jtaffu s-sogri li
ġġib magħha dinja globalizzata. Għalhekk l-Unjoni hi mibnija fuq zewġ
impenji prinċipali – is-solidarjetà u s-sussidjarjetà, jiġifieri
li l-poter għandu jkun mifrux kemm jista’ jkun.
Aħna
rridu nkunu parti minnu dan il-proġett għaliex il-miri tagħna
naqsmuhom mal-membri l-oħra ta’ l-Unjoni. Il-miri ta’ livell ta’
għixien aħjar; ta’ ambjent aħjar; taċ-ċelebrazzjoni tad-diversità
u l-qtugħ ta’ kull diskriminazzjoni inġusta; ta’ livell għoli ta’
saħħa u ħarsien fuq il-post tax-xogħol; ta’ riforma ġusta
fis-sistema tal-pensjonijiet li sserraħ l-imħuħ tan-nies u tagħraf
it-tibdil demografiku ta’ żmienna; ta’ sistema ta’ solidarjetà
soċjali li tpoġġi lill-persuna fil-qofol tal-politika tagħha u tagħtiha
l-appoġġ li jixirqilha; ekonomija qawwija bażata fuq l-aħħar
teknoloġiji u li toħloq aktar impjiegi u impjiegi aħjar… Dawn huma
xi wħud mill-miri tal-proġett tan-nazzjon Malti u Għawdxi, u huma
wkoll l-miri ta’ l-Unjoni Ewropea. B’Malta fl-Unjoni dawn il-miri
xorta se jkollna nistinkaw biex nilħquhom, iżda se jkollna s-solidarjetà
ta’ l-Unjoni magħna, b’għajnuna finanzjarja u ta’ riżorsi oħra.
Kif
fakkartkom l-ewwel, aħna repubblika bażata mhux biss fuq ix-xogħol iżda
ukoll fuq impenn li nfittxu li jkollna dinja mibnija fuq il-paċi, speċjalment
fir-reġjun tagħna. Il-ġirien u l-ħbieb tagħna fl-Isfel
tal-Mediterran qed jgħidulna li b’Malta fl-Unjoni Ewropea se jkun
hemm vuċi oħra fl-Ewropa li twassal u tfisser il-fehma tagħhom dwar
kif għandhom jimxu l-affarijiet f’dawn iż-żminijiet mhux faċli għalihom.
Il-proġett Malti għall-paċi fil-Mediterran mhux se jbatti bid-dħul
tagħna fl-Unjoni: se jissaħħaħ.
Ħuti
Maltin u Għawdxin,
Meta
konna għadna kolonja, ix-xkiel ewlieni li kien qed iwaqqafna milli nilħqu
l-milja tagħna bħala nazzjoni kien li ma konniex indipendenti. Wara l-indipendenza,
l-akbar xkiel kien li ma konniex membri ta’ l-Unjoni Ewropea u għalhekk
ma stajniex nsemmgħu leħinna u nieħdu sehem sħiħ meta kienu jittieħdu
d-deċiżjonijiet mill-pajjiżi li l-aktar kellna x’naqsmu magħhom
ekonomikament, kulturalment u politikament.
Illum,
dak ix-xkiel tneħħa.
Illum,
l-akbar xkiel li jista’ jżommna milli nilħqu l-milja tagħna, hu aħna
stess, jekk ma naħdmux bil-ghaqal u bi bzulija, u jekk ma naħdmux
flimkien.
Illum
deħlin fil-port Ewropew. Intemm il-vjaġġ ta’ 40 sena. Iżda ma
ntemmx ix-xogħol. Anzi, beda ż-żmien ta’ ħidma ġdida – il-waqt
fil-port meta dak li qed iġorr il-vapur jinħatt, u jitgħabba fuq
mezzi oħra ta’ trasport biex jinġarr u jinfirex ma’ fejn kellu
jmur. Hekk aħna wkoll, issa, bis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea, jeħtieġ
li naħdmu bis-sħiħ, b’impenn akbar, dejjem flimkien, sabiex bl-enerġiji
tagħna, bl-għaqda tagħna, u bil-grazzja t’Alla, nilħqu l-milja tagħna
u ta’ uliedna.