ĊELEBRAZZJONIJIET
TA' L-INDIPENDENZA TA' MALTA - SETTEMBRU 1964
ORDNI MOQRI
MIS-SUR PAOLO PACE
PRESIDENT TAL-KAMRA TAR-RAPPREżENTANTI
22 ta’ Settembru 1964
Ordni moqri mis-Sur Paolo Pace, President tal-Kamra
tar-Rappreżentanti, fis-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ fil-Palazz,
il-Belt Valletta, fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Kamra tar-Rappreżentanti
mill-Altezza Irjali Tiegħu d-Duka ta’ Edinburgh.
ELIZABETH R.
Eliżabetta t-Tieni għall-Grazzja t’Alla tar-Renju
Unit tal-Britannja l-Kbira u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq u tar-Renji u
t-Territorji l-oħra Tagħna, Reġina, Kap tal-Commonwealth u
difenditriċi tal-Fidi.
Lill-fidil u wisq maħbub tagħna Sir Maurice Henry
Dorman, Kavalier Gran Kruċ tal-Wisq Magħruf Ordni ta’ San Mikiel u
San Ġorġ, Kavalier Gran Kruċ ta’ l-Ordni Irjali Tagħna Vittorjan,
Gvernatur-Ġenerali ta’ Malta u l-fidil u l-wisq maħbub is-Sur Paolo
Pace, President tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Parlament Tagħma ta’
Malta u lill-fidili u wisq maħbuba Membri ta’ l-imsemmija Kamra
tar-Rappreżentanti u lill-Poplu taghna ta’ Malta Sliem:
BILLI bl-Att ta’ l-1946 dwar l-Indipendenza ta’
Malta hemm provdut biex Malta takkwista status ta’ responsabbiltà sħiħa
fil-Commonwealth:
U BILLI skond id-disposizzjonijiet
tal-Kostituzzjoni kif qiegħda fl-Att ta’ l-1964 dwar l-Indipendenza
ta’ Malta, il-Parlament Tagħna ta’ Malta ġie msejjaħ biex jiltaqa’
għal ċerti materji diffiċli u urġenti li jikkonċernaw il-Gvern
tagħna:
U BILLI Aħna nixtiequ nirreġistraw l-importanza ta’
din is-Sessjoni tal-Parlament Tagħna ta’ Malta (li hi l-ewwel
sessjoni tiegħu mindu Malta akkwistat status ta’ responsabbilità sħiħa
kif jingħad hawn fuq) u li nuru l-interess speċjali Tagħna fir-risq
tas-Sudditi Leali Tagħna f’Malta, u billi minħabba ċerti
raġunijiet, ma nistgħux inkunu preżenti hemmhekk b’mod konvenjenti
fil-Persuna Irjali Tagħna:
ISSA KUNU AFU, illi Aħna billi nafdaw
fid-diskrezzjoni, fedeltà u attenzjoni tal-Wisq Maħbub żewġna u wisq
leali Kunsullier Philip, Duka ta’ Edinburgh, kavallier tal-Wisq Nobbli
Ordni tat-Takkalja, Kavalier tal-Wisq Antik u Nobbli Ordni tat-‘Thistle’,
Gran Mastru u Kavalier Ewlieni jew Gran Kruċ Prinċipali tal-Wisq
Eċċellenti Ordni ta’ l-Imperu Britanniku, Ammirall tal-Flotta
Tagħna, Field Marshall fl-Armata Tagħna. Marshall tar-Royal
Air Force Tagħna, Aħna nagħtu lilu bis-saħħa ta’ dan l-Att
is-setgħa kollha f’Isimna biex ilaqqa’ l-Parlament Tagħna ta’
Malta u biex jiftaħ u jiddikjara u jġagħal li jinfetħu u jkunu
ddikjarati r-raġunijiet biex jitlaqqa’ l-Parlament, u jagħmel dak
kollu li Għalina u Minna jkollu jsir hemmhekk:
IRRIDU illi huwa b’din iwassal lill-imsemmi
Parlament u l-Poplu Tagħna l-messaġġ Irjali Tagħna ta’ rieda tajba
u l-assigurazzjoni Tagħna li aħna bil-ħerqa kollha nitolbu lil Alla
Omnipotenti jbierek il-Kostituzzjoni ġdida ta’ Malta u
għall-prosperità u l-hena kontinwa tas-Sudditi Leali Kollha Tagħna f’Malta:
NORDNAW ukoll illi bis-saħħa ta’ dan l-Att lil
kulħadd, lill-imsemmi Gvernatur-Ġenerali, lill-imsemmi President u
lill-Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti msemmija Tagħna bħalma wkoll
lill-oħrajn kollha li hu fl-interess tagħhom li jiltaqgħu fl-imsemmi
Parlament Tagħna, sabiex huma jilqgħu bid-diliġenza kollha
lill-imsemmi Prinċep Philip, fil-post kif imsemmi fuq:
U AĦNA nkomplu nordnaw u nikkmandaw illi dawn
l-Ittri Tagħna ghandhom jinqraw u jkunu proklamati f’post jew f’postijiet
li l-imsemmi Gvernatur-Ġenerali Tagħna jidhirlu li huma adattati f’Malta:
B’xhieda ta’ dan Aħna ordnajna li dawn l-Ittri
Tagħna jsiru "Patent" b’xhud Aħna stess f’Westminister
nhar is-sbatax ta’ Settembru fit-Tlettax-il sena tar-Renju Tagħna.