Dawn ir-Regolamenti huma b'żieda għal dawk fit-taqsimiet li ġejjin li japplikaw għall-vetturi kollha.
89. Il-karozzi tal-linja GĦANDHOM iżommu man-naħa tax-xellug jew fil-mogħdija tan-naħa tal-bankina tal-karreġġata barra meta din il-mogħdija tkun okkupata minn vettura wieqfa jew xkiel ieħor.
90. Il-karozzi tal-linja għandhom jieqfu fil-postijiet immarkati għall-waqfien jew fid-daħliet fejn dawn ikunu pprovduti għalihom. Meta żewġ karozzi tal-linja jew iżjed jaslu flimkien f'bus stop, għandhom jersqu ma' xifer il-bankina, waħda wara l-oħra, u meta jitilqu huma għandhom isegwu l-ordni kif ikunu waslu. Il-karozzi tal-linja m'għandhomx jaqsmu s-sinjal abjad parallel max-xifer tal-bankina meta jitilqu mill-bus stop.
91. Meta jieqfu f'bus stop, sew jekk dan ikun ipprovdut bil-linji bojod xierqa u kemm jekk le,
il-karozzi tal-linja għandhom jersqu eżatt max-xifer tal-bankina biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jinżlu mill-karozza u jirkbuha direttament mill-bankina.
92. Meta jitilqu mill-bus stop, il-karozzi tal-linja m'għandhomx idawru għal nofs it-triq, iżda għandhom iżommu viċin kemm jista' jkun tax-xifer tal-bankina.
93. Il-karozzi tal-linja għandhom jitilqu mill-venda bil-magni tagħhom imqabbdin u bil-gear ingranat. Il-magna għandha tinżamm startjata matul il-vjaġġ
kollu.
94. Il-magna għandu jkollha qawwa biżżejjed u tkun miżmuma f'kundizzjoni tajba u misjuqa b'mod tajjeb hekk li ma tarmix duħħan meta l-karozza tal-linja tkun misjuqa għat-telgħa b'tagħbija sħiħa.
95. La l-passiġġieri u l-anqas is-sewwieqa ma jistgħu jpejpu la f'xarabank, la f'coach u l-anqas f'minibus.
96. L-ebda radju jew mużika rekordjata ma jistgħu jindaqqu f'xarabank, coach jew minibus waqt il-vjaġġ.