1. It-triq normalment tikkonsisti f'karreġġata u bankina jew żewġ bankini (passaġġi għan-nies). Il-karreġġata hija maħsuba għall-vetturi filwaqt li l-bankini huma maħsuba għall-pedestrians. F'postijiet mhux abitati, flok bankini jkun hemm ġeneralment linji bojod kontinwi fil-ġenb tat-triq, magħrufa bħala hard shoulder.
2. Il-karreġġati u l-bankini huma l-ewwelnett maħsuba għal vetturi u pedestrians mexjin aktar milli għal dawk weqfin. Il-vetturi weqfin m'għandhomx ifixklu l-vetturi li jkunu mexjin. Il-pedestrians ukoll m'għandhomx joħolqu tfixkil fil-bankini.
3. Il-karreġġati kultant ikunu maqsuma f'mogħdijiet permezz ta' linji bojod miksurin, jew f'żewġ nofsijiet, wieħed għal kull direzzjoni li jkun sejjer it-traffiku, permezz ta' linja bajda kontinwa. Fejn ma teżistix din il-linja, għandu jinżamm nofs it-triq li tista' tintuża bħala l-linja li taqsam it-traffiku li jkun sejjer fiż-żewġ direzzjonijiet opposti.
4. Toroq b'żewġ karreġġati biss għandhom karreġġata għal kull direzzjoni, li tkun maqsuma b'centre-strip jew reservation. L-ebda vettura m'għandha tuża dawn il-karreġġati bil-maqlub.
5. It-traffic islands huma maħsuba biex jgħinu t-traffiku jimxi aħjar f'salib it-toroq. Imxi skond ma juru t-tabelli li jkun hemm qabel taqbad traffic islands bħal dawn.
6. Ir-roundabout hija għamla speċjali ta' traffic island. Din ma tkunx bilfors tonda, iżda tingħaraf minn tabelli apposta mwaħħla fil-viċinanzi tagħha. Huwa importanti li wieħed joqgħod attent għal dawn it-tabelli għaliex ir-regoli normali ta' min għandu d-dritta jinbidlu fi xi ftit mar-roundabout. Roundabouts jistgħu jvarjaw fid-daqs u l-mod ta' kif ikunu mibnija. Hemm roundabouts b'dijametru ta' metru sa erba' metri u jistgħu jkunu miżbugħa fuq il-karreġġata, jew ikunu b'mod li jintramaw.
Roundabouts b'dijametru aktar minn erba' metri jinbnew u ma jkunux jiżżarmaw.
7. It-toroq f'Malta huma ġeneralment immarkati b'sinjali tat-traffiku internazzjonali, iżda fejn ma jkunx hemm sinjali għandhom jiġġu osservati r-regoli normali tal-prudenza u tal-kortesija.
8. Il-limiti ta' nħawi mibnija huma murija b'sinjal li jkollu l-isem tal-belt jew raħal, jew b'sinjal ta' limitu speIeifikat ta' veloċità. Iżda kull ġabra ta' djar li fihom toqgħod jew tista' toqgħod mhux anqas minn mitt ruħ tikkostitwixxi area abitata u ma tistax taqbeż veloċità ta' aktar minn 50 kilometru fis-siegħa.
9. Meta triq li minnha jgħaddi t-traffiku jkollha fuq il-ġenb tagħha toroq ta' servizz b'mod li l-bini ma jkunx imiss direttament magħha, din it-triq tkun ikkunsidrata li qiegħda barra l-area mibnija.
10. Bħala regola, it-toroq prinċipali huma dawk iddikjarati bħala tali b'sinjali ta' preċedenza, u toroq relattivament inqas importanti b'sinjali "STOP" jew "GIVE WAY" b'linja bajda miżbugħa matul il-karreġġata. Jekk jiġik xi dubju qis it-triq l-oħra bħala t-triq prinċipali.
11. Bħala regola, triq hija disponibbli għal kulħadd u fiż-żewġ direzzjonijiet, iżda ċerti toroq huma projbiti għal tip ta' vetturi u/jew pedestrians kif ukoll għal direzzjoni partikolari ta' vjaġġar.
12. It-triq hija l-post fejn il-veru manjieri ta' individwu, kemm jekk ikun isuq vettura bil-mutur u kemm jekk ikun pedestrian, jitqiegħdu għall-prova. Uri l-kortesija fit-triq. Rari tinqala' disgrazzja illi ma tkunx ikkaġġunata jew li ma ssirx, direttament jew indirettament, minħabba nuqqas ta' kortesija fit-toroq.